Futbol Sport

It-tielet rebħa konsekuttiva għal Pembroke Athleta

(Ritratt: Martin Agius)

LIJA ATHLETIC…… 0   PEMBROKE ATHLETA…… 2

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, E. Beu, P. Dandolo (A. Azzopardi 54’), A. Bello-Osagie, M. Clinch, O. Sidibe (K. Kuroki 79’), A. Galea, C. Gauci

Pembroke: P. Schranz, G. Muscat (D. Cachia 78’), J.P. Mifsud Triganza, G. Azzopardi, Z. Grech, T. Fenech, M.A. Borg, J. Pedro Oliveira Santos, E. Vallecillo (K. Borg 82’), Y. Tonna, G. Claudio da Silva

Referee: Andrea Sciriha

Pembroke Athleta telgħu mal-ewwel nofs tal-klassifika wara li għelbu lil Lija Athletic 2-0. B’din ir-rebħa, Pembroke qabżu lill-istess Lija, f’dik li kienet it-tielet rebħa konsekuttiva għalihom.

L-ewwel taqsima ftit kellha azzjonijiet ta’ nota, bl-uniċi żewġ azzjonijiet jaslu fuq in-naħa ta’ Lija. L-ewwel azzjoni waslet wara 22 minuta għal Lija, b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Paolo Dandolo jispiċċa ftit barra, wara li xutt ta’ Ousmane Sidibe kien blokkat parzjalment. Minuta xutt ta’ Erjon Beu għadda għoli.

Il-logħba tjiebet ftit fit-tieni taqsima u fid-49 minuta Pembroke kellhom xutt ta’ Edoardo Vallecillo li għadda ftit barra. It-tim ta’ Brian Spiteri fetaħ l-iskor fit-62 minuta meta Joao Pedro Oliveira Santos twaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper Luke Bonnici, bir-referee Andrea Sciriha jordna penalty. Mill-11-il metru JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA ma żbaljax.

Lija għal ftit ma ġabux id-draw fil-71 minuta, bil-gowlkiper Philip Schranz isalva b’mod brillanti xutt mill-viċin ta’ Ousmane Sidibe. Pembroke għalqu l-logħba tmien minuti wara meta YANIS TONNA skorja b’azzjoni personali meta daħal fil-kaxxa u minkejja li ssikkat minn difensur, irnexxielu jikkonkludi fix-xibka.