Kunsilli Lokali Lokali

Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista b’ħidma biex Ħ’Attard ikompli jimxi ’l quddiem

Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista f’Ħ’Attard ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem biex ikompli jġib il-lokalità ‘l quddiem, fosthom anke b’ħidma fis-settur kulturali ma’ villaġġi oħrajn barra minn xtutna.

Dan għax tmexxija Nazzjonalista f’din il-lokalità ħadet l-inizjattivi biex tħaddem aħjar il-fondi li tingħata mill-Gvern Ċentrali.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew, kif ukoll mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, il-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono u membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit f’Ħ’Attard.

Adrian Delia kompla billi qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li aktar Kunsilli Lokali jsegwu l-passi ta’ dan il-Kunsill, jiġifieri li joħorġu bl-inizjattivi b’risq ir-residenti minflok ma sempliċiment jimmaniġġjaw dak li jkun qed itihom il-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif villaġġ tradizzjonalment kwiet illum spiċċa mimli żvilupp eċċessiv u mingħajr pjan. Għaldaqstant, hu appella għal parametri aktar regolati, flimkien ma’ pjan eżekutibbli biex min jgħix fil-komunità ma jsofrix il-piż tal-iżvilupp eċċessiv.

Adrian Delia temm billi appella lir-residenti Seraċini biex jappoġġjaw lill-Kunsill Lokali fil-ħidma tiegħu, partikolarment lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista ħalli jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom fis-snin li ġejjin.