Lokali

Kważi lest ir-restawr fuq il-Kappella ta’ San Ġwann il-Battista

Wasal lejn it-tmiem tiegħu ix-xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Ġwann Battista, li tinsab fit-triq prinċipali int u dieħel lejn iċ-ċentru tal-Għarghur.

Kif jispjega l-Perit Claude Borg, din il-Kappella offriet diversi sfidi lir-restawraturi tad-Direttorat tar-Restawr. “Kien hemm ċertu interventi fil-passat li saru b’intenzjoni tajba imma kien hemm ħafna kisi ta’ siment u konkrit li kien qed jagħmel ħafna ħsara, ikun iebes ħafna biex tneħħieh u waqt li qed tneħħiet ma ssirx ħsara.”

“Sitwazzjoni oħra li kellna noqgħodu attenti ħafna hu l-livell ta’ tindif li tagħmel. F’kappella bħal din trid toqgħod iktar attent li l-elementi tagħha taż-żminijiet ma tneħħihomliex,” jispjega l-Perit. Jirrimarka wkoll li kien hemm ħafna elementi neqsin bħal pereżempju s-salib fuq in-naħa ta’ fuq kien imkisser. “Irnexxielna nieħdu l-moldijiet minn dak li kien hemm u rnexxielna nibnu s-salib mill-ġdid. Kien hemm xi lavur ukoll imkisser.”

Fost l-iktar bnadi mkagħbra kien hemm il-ġenb tal-Knisja, li tmiss maċ-ċimiterju li hemm fil-post, u fejn il-ġebla kienet iddeterjorat sew. Dan apparti li tibdil li sar fiċ-ċimiterju kompla għamel il-ħsara.

Dan apparti li “l-katusi kienu qed jidhru koroh ħafna. Biddilna l-katusi u ġibna katusi speċjali li l-kulur tagħhom hu viċin ħafna tal-ħajt.”

Il-kappella ta’ San Ġwann il-Battista jingħad li nbniet fil-perjodu ta’ bejn l-1223 u l-1225. Għal xi żmien din il-kappella serviet ukoll bħala l-knisja parrokkjali tal-lokalità.

B’fondi tal-Knisja, fl-aħħar xhur tlesta wkoll ir-restawr tal-knisja parrokkjali attwali tal-lokalità li fuqha sar intervent maġġuri kemm fil-faċċata kif ukoll il-ġnub.