Internazzjonali

L-AWSTRALJA: Nirien inkontrollabbli dovuti għas-sħana tremenda

 

Il-mewġa tas-sħana tal-aħħar jiem li ħakmet il-pajjiż ikkaġunat għexieren ta’ nirien li  qerdu diversi residenzi tan-Nofsinhar, fost ir-reazzjoni urġenti tal-awtoritajiet inkarigati minn dawn l-emerġenzi.

L-iskwadri responsabbli, fl-aħħar sigħat, ħarġu bi ħġarhom biex jikkumbattu n-nirien inkontrollabbli li huma riżultat dirett tal-aktar sajf sħun fl-Awstralja kemm ilhom jinżammu r-rekords.

Il-mewġa tas-sħana tal-aħħar jiem kienet, fost oħrajn, riflessa fit-temperaturi ta’ ’l fuq minn 40 grad Celsius — bin-nirien jaqbdu f’diversi zoni madwar l-Istat ta’ Victoria, fejn eluf ta’ nies  kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom.

L-akbar inċidenza ta’ nirien – liilhom jaqbdu minn nhar il-Ġimgħa – kienet fil-Bunyip State Park, lejn il-Lvant ta’ Melbourne. Dan wara li z-zona kienet intlaqtet minn sensiela ta’ sajjetti.

Il-poplu fl-Awstralja ilu l-jiem jissapporti l-agħar sħana immaġinabbli, bil-Bureau Meteoroloġiku fil-pajjiż jikkonferma li l-qilla tas-sajf kienet ‘ferm aktar mis-soltu’, minbarra li ogħla sew mill-medja għall-istaġun.