Internazzjonali

L-ESTONJA: Rebħa elettorali għall-Partit tar-Riforma….Lejn l-ewwel Prim Ministru mara

Il-Partit tar-Riforma taċ-ċentru-lemin rebaħ l-elezzjoni ġenerali fl-Estonja fejn irnexxielu jegħleb lill-Partit taċ-Ċentru mmexxi mill-Prim Ministru Juri Ratas.

Dan il-partit – favur l-Unjoni Ewropea u n-NATO u li għamel l-aħħar snin fl-Oppożizzjoni — rebaħ mat-30 fil-mija tal-vot waqt li l-partit ta’ Ratas kiseb 23 fil-mija.

Fit-tielet post – ftit wara l-Partit taċ-Ċentru — spiċċa l-Partit tal-Poplu Konservattiv tal-Estonja (EKRE) li hu grupp politiku ewro-xettiku li qiegħed jitlob għal referendum dwar l-Unjoni Ewropea.

Grazzi għal dan is-suċċess elettorali, Kaja Kallas, bħala l-Kap tal-Partit tar-Riforma u li wkoll eks deputat parlamentari għall-Ewropa, mistennija ssir l-ewwel Prim Ministru mara tal-Estonja.

Intant, Kallas għamlitha ċara li lesta  tikkunsidra kull tip ta’ koalizzjoni ġdida, meta hi qed tħejji għal sensiela ta’ negozjati politiċi fil-jiem li ġejjin.

Għalkemm mingħajr maġġoranza assoluta, il-partit ta’ Kallas xorta kiseb rebħa impressjonanti wara li l-aħħar stħarriġ popolari kien indika li l-elezzjoni kellha tkun missielta ferm.

Dan meta l-Partit tar-Riforma u l-Partit taċ-Ċentru ‘alternaw’ fil-poter mindu l-Estonja kisbet l-indipendenza mill-eks-Unjoni Sovjetika, fl-1991.

Sadanittant, l-EKRE qed igawdi minn spinta ta’ popolarita fejn, din id-darba, issupera r-riżultati elettorali preċedenti tiegħu b’aktar mid-doppju. L-istess partit, waqt il-kampanja, ippromwova kampanja għal kontra l-immigrazzjoni fost il-wiegħdiet biex ‘inaqqas it-taxxi’ f’każ li l-poplu kellu jafdah bit-tmexxija tal-pajjiż.

Il-Partit konservattiv Isamaa u s-Soċjali Demokratiċi li kienu jiffurmaw parti mill-koalizzjoni preċedenti ( mal-Partit taċ-Ċentru) rebħu, rispettivament, 11.4 fil-mija u 9.8 fil-mija tal-vot. Ir-riżultati partikulari jfissru, fost oħrajn, li l-koalizzjoni attwali f’Tallinn ma tistax tkompli.