L-eks tennist Nicolas Kiefer qal li Roger Federer jista’ saħansitra jikser ir-rekord ta’ Jimmy Connors wara li Federer rebaħ l-Open ta’ Dubai li fisser il-100 titlu ATP fil-karriera. It-tennist ta’ 37 sena jinsab biss wara Jimmy Connors f’din il-lista, bl-Amerikan rebaħ 109 titli. Federer kien ilu jistenna dan it-titlu minn meta rebaħ id-99 titlu f’tournament f’Basel f’Ottubru li għadda.
Kiefer li fil-passat kien is-sid numru erbgħa fid-dinja, hu wieħed mill-ftit tennisti li għeleb lil Federer tliet darbiet konsekuttivi f’logħbiet ATP. Il-Ġermaniż jemmen li l-eks rivali tiegħu jista’ jikseb aktar fil-futur minkejja l-età tiegħu.
“Nemmen li Federer jista’ jagħmel ir-rekord għaliex għadu qed jilgħab tennis mill-aqwa. Hu tajjeb li narawh jilgħab għal żmien twil għal dak li għamel għall-isport, għall-isponsors, it-televiżjoni u l-ispettaturi,” qal Kiefer li fil-karriera tiegħu tilef 12 minn 15-il logħba kontra Federer.
L-iŻvizzeru rebaħ tal-anqas trofew ATP kważi f’kull staġun mill-ewwel titlu u falla biss fl-2016 meta weġġa’ l-irkoppa. Federer rebaħ 24 titlu f’finali konsekuttivi minn Ottobru tal-2003 sa Ottubru tal-2005.
“Jista’ jkun li qed jikber imma qed jilgħab aħjar u aħjar. Issa ma għandux bżonn jilgħab ħafna tournaments. Nixtieq narah jirbaħ Grand Slam ieħor,” kompla Kiefer. It-tmien suċċess ta’ Federer f’Dubai għenu biex jerġa’ jitla’ mal-ewwel ħamsa qabel jiddefendi t-titlu tal-Indian Wells. Kiefer żied li jemmen li Federer hu aktar minn kapaċi li jilgħab kontra l-aqwa tennisti minkejja li hemm ħafna żgħażagħ lesti biex jisirqu x-xena.
//= $special ?>