Sensiela ta’ tornadoes li laqtu numru ta’ zoni fl-Istat ta’ Alabama ħallew tal-anqas 30 persuni mejta, meta l-awtoritajiet lokali qegħdin jistennew li jirkupraw il-katavri ta’ aktar vittmi minn taħt il-fdalijiet ta’ djar li nqerdu għalkollox mill-irwiefen.
L-impatt tat-tornadoes inħass l-aktar f’Lee County lejn il-Lvant ta’ Alabama, fejn hemm il-ħsarat katastrofiċi. L-ammont eżatt tal-midruba ma kienx magħruf meta kien hemm għadd ta’ persuni rappurtati nieqsa.
Filwaqt li t-tfittxija għan-nies kellha tieqaf għal xi hin, jidher li l-aghar tornado laqat iz-zona madwar il-komunità ta’ Beauregard fejn kienu rappurtati rwiefen b’veloċità ta’ 250 kilometri fis-siegħa.
Il-komunità ta’ Beauregard tinsab lejn il-lvant ta’ Montgomery; il-kapitali tal-Istat ta’ Alabama u fejn spikkaw l-aktar ix-xeni apokalitiċi li rriżultaw mill-maltemp diżastruż.
L-awtoritajiet f’Lee County qalu li qatt qabel ma kien hemm inċidenza ta’ tornadoes daqshekk qattiela fir-reġjun u qegħdin iqisu din it-traġedja bħala “waħda f’mitt sena”.
Dan meta ċ-ċentru mediku fil-Lvant ta’ Alabama qed jitratta għexieren ta’ nies għall-effetti tal-kesħa estrema fl-inħawi milquta mit-tornadoes – u bit-tobba jistennew biex jitrattaw lin-nies midruba li qed jitwasslu b’mod regolari lejn iċ-ċentru.
Intant, daħlu wkoll rapporti dwar tornadoes fl-inħawi ta’ Walton County u f’Cairo, lejn it-Tramuntana ta’ Florida. Fl-istess ħin, ma ngħataw dettalji ta’ ħsarat jew dwar xi vittmi potenzjali tal-elementi.
//= $special ?>
