Lokali Saħħa

Abbuż tal-informazzjoni personali tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei

Sena wara li żewġ kummissjonati tal-funerali u care worker tressqu l-Qorti b’akkużi relatati mal-kisba u l-użu bla permess ta’ informazzjoni personali maħruġa mill-isptar, Net News jista’ jikkonferma li dan l-abbuż baqa’ għaddej xorta waħda.

Dan hekk kif waslitilna informazzjoni li episodju simili seħħ fl-aħħar jiem meta raġel miet għall-għarrieda fir-residenza tiegħu u l-qraba tiegħu rċivew telefonata minn persuna li ddikjara li hu direttur tal-funerali.

“Kien għadna xxukkjati u qed ninfurmaw lil qrabatna meta nirċievu telefonata minn persuna li staqsietna għandniex bżonn is-servizzi tagħha,” iddikjara magħna qarib tal-persuna li tilfet ħajjitha.

Ir-raġel miet kmieni filgħodu u ftit tal-ħin wara ddaħħal l-Isptar Mater Dei. Kienu għaddew biss madwar seba’ sigħat mill-wasla tiegħu fl-Isptar Mater Dei li huma rċevew din it-telefonata, l-ewwel xogħol filgħodu għall-ħabta tad-disgħa. Dan minkejja li lanqas il-qraba kollha tar-raġel ma kienu għadhom jafu b’dak li seħħ.

Sfortunatament il-qraba tar-raġel li miet ma jistgħux jidentifikaw min kien il-persuna li ċemplilhom u lanqas jivverifikaw jekk fil-verità hux kummissjonant hekk kif dan ma identifikax ruħu.

“Dan hu abbuż serju li qed jagħmlu xi wħud. Iktar minn sena ilu l-Gvern kien imwissi b’dak li għaddej u ntqal li ttieħdet azzjoni, imma milli jidher ma sar xejn jew ma sarx biżżejjed biex l-informazzjoni personali ma tibqax toħroġ mill-isptar bla permess,” iddikjara qarib ta’ din il-familja, li ddeskriva li l-familja tinsab imweġġa’ b’dak li seħħ.

Dan il-każ hu pjuttost simili għal dak li seħħ fi Frar tas-sena li għaddiet, għalkemm dakinhar il-kummissjonanti kienu marru personalment quddiem id-dar ta’ qarib ta’ pazjent li kien miet fl-Isptar tal-Onkoloġija.

Bis-sitwazzjoni li titqies minn nies fis-settur bħala “xi ħaġa li saret pjuttost komuni,” wieħed faċilment jinnota kif każi simili jmorru lura għal diversi snin. Fost oħrajn, fl-2014 kienu diversi l-persuni li fuq il-midja soċjali ddikjaraw li ġew ikkuntattjati minn kummissjonanti li offrewlhom li jieħdu ħsieb il-funeral tal-għeżież tagħhom minkejja li qatt ma kienu għaddew il-kuntatti personali tagħhom lil ħadd.