Futbol Sport

Bidu feliċi għat-tim ta’ Dorianne Theuma b’rebħa kbira fuq Ġibiltà

(Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena beda l-impenji fil-UEFA Youth Development Tournament fuq nota pożittiva b’rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Ġibiltà. It-tim Malti fetaħ l-iskor wara seba’ minuti b’gowl ta’ Kailey Willis wara kross ta’ Emma Philippa Ciantar biex sitt minuti wara Maya Lucia rdoppjat b’xutt minn tarf il-kaxxa.

L-iskor kompla jikber b’Willis tiskorja b’daqqa ta’ ras minn korner mix-xellug, biex għaqqdet it-tripletta personali fl-24 minuta meta qabdet il-gowlkiper avversarja barra minn postha u qabbżet il-ballun fix-xibka. Hannah Khatib skorjat il-ħames gowl fit-38 minuta b’azzjoni personali.

L-impenn li jmiss tat-tim Malti hu l-Ħamis kontra l-Andorra fil-11.00am fis-Centenary Stadium. L-Andorra tilfet 1-0 kontra l-Albanija llum.

Malta: G. D’Antuono (J. Caruana 41’), H. Bugeja (E. Sissons 41’), V. Mifsud (M. Cortis 36’), H. Khatib (M. Cardona 60’), E.P. Ciantar (G. Antonelli 36’), K. Willis (L. Muscat 41’), M. Lucia, M. Fenech (A. Gatt 41’), R. Borg (L. Chetcuti Dimech 60’), I. Camilleri, G. Mifsud (N. Zarb Cousin 36’)