Kultura Lokali

Festa ta’ briju u kuluri

F’temp mill-isbaħ li kellna fil-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar jumejn… f’atmosfera ta’ kuluri, briju u ferħ… il-karnival jiġi fi tmiemu llum bl-isfilata illi fiha jispikkaw diversi karrijiet ikkulurit u maskri grotteski.

Dawra mat-toroq tal-Belt Valletta u l-Furjana wieħed mal-ewwel seta’ jinnota tbissima ta’ ferħ fuq diversi tfal kif ukoll id-dilettanti tal-Karnival… li b’sens ta’ sodisfazzjoni renxxielhom iferrħu u jallegraw lill-poplu Malti bil-karrijiet tagħhom.

Ma setax jonqos li matul il-ħamest ijiem tal-karnival isiru kompetizzjonijiet ta’ żfin, sfilati ta’ baned u karrijiet. Bħal kull sena sar ukoll il-karnival tat-tfal u f’Għawdex sar il-karnival spontanju tan-Nadur.

Għad-dilettanti tal-ħelu, il-festa tal-perlini u l-prinjolata tispiċċa llum, hekk kif għada jibda l-perjodu tar-Randan, perjodu li fih il-Knisja Kattolika tħeġġeġ għas-sawm u l-astinenza bi preparazzjoni għall-ġranet li jwasslu sal-Ġimgħa l-Kbira. Fejn imbagħad jintlaħaq il-qofol nhar l-Għid il-Kbir – meta tiġi ċċelebrata l-akbar festa fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika.