Lokali

FILMAT: “Ħsiebi kien fil-mara u t-tifla” – 2 karozzi jieħdu n-nar f’San Pawl il-Baħar

Fiż-żerniq ta’ kmieni filghodu, għall-ħabta tal-4.30, żewġ karozzi ħadu n-nar fi Triq Patri Gużeppi Calleja f’San Pawl il-Baħar. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Jidher illi l-ħruq beda minn karozza tat-tip Renault, u li eventwalment dan wassal għal ħruq tat-tieni vettura tat-tip Peageut.

Minħabba dawn in-nirien, kellhom jigu evakwati xi nies minn xi appartamenti li kienu viċin il-ħruq tal-vetturi.

Dan l-istazzjon tkellem ma’ missier is-sid tal-karozza Renault. Huwa qalilna wkoll is-sentiment tiegħu, fejn ħsiebu f’dak il-mument kien fil-mara u t-tifla.

Persuna oħra irrakkontatilna l-esperjenza tagħha fuq dak li ġara it-Tlieta filgħodu. Hija qalet li ħasbet li l-ħsejjer minn barra kienu tal-maltemp. Stqarret li qatt ma kienet tobsor li kien se jiġri hekk.

Fil-post issejħu minnufih membri tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien ma’ ħaddiema tat-tifi tan-nar illi ġabu taħt kontroll is-sitwazzjoni filwaqt li ġiet imsejħa ambulanza.

Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja.