Il-Kabinett approva lil George Vella bħala l-10 President ta’ Malta, u s-suċċessur ta’ Marie Louise Coleiro Preca. Dan kollu jikkonferma ix-xnigħat persistenti tal-aħħar ġranet u ġimgħat.
Jidher illi l-Grupp Parlamentari Laburista ukoll appoġġja din in-nomina tat-tabib Vella b’mod unanimu.
Din il-mossa turi li l-Gvern ta’ Muscat warrab għal kollox l-idea li l-President li jmiss ikun ġej mill-kamp politiku oppost. Il-Kap tal-PN Adrian Delia kien ressaq tliet ismijiet – Lawrence Gonzi, Louis Galea u Tonio Borg – li kollha ġew injorati.
Dan ifisser li Joseph Muscat ma baqax jibni fuq l-istil inklussiv tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, meta fl-2009 kien innomina lil George Abela mill-kamp politiku oppost.
It-Tabib George Vella li għandu 76 sena u mwieled iż-Żejtun se jieħu l-ħatra ta’ President fl-4 ta’ Aprilli ġej.
Tul il-ħajja pubblika tiegħu huwa serva bħala Deputat Prim Ministru ta’ Malta u Ministru tal-Affarijiet Barranin.
Huwa miżżewweġ lis-Sinjura Miriam nee Grima, u flimkien għandhom tlett itfal u 7 neputijiet.
Il-Prim Ministru tilef opportunità ta’ pass serju biex jerġa’ jagħti kredibilità lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna
Il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota li l-Prim Ministru ma’ kienx kapaċi jirreżisti l-pressjoni partiġġjana interna biex ma’ jaħtarx President mill-kamp politiku oppost jew wieħed li jġib il-qbil taż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Dan meta kien hemm biżżejjed żmien biex isir dan. Dan kien ikun l-ewwel pass ċar li juri li l-Gvern verament jrid jattwa tibdiliet serji li jerġgħu jagħtu kredibilità lill-pajjiżna u lill-istituzzjonijiet biex iservu liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista jqis li n-nuqqas ta’ rieda minn naħa tal-Prim Ministru tellfet mhux biss opportunità ta’ aktar għaqda nazzjonali iżda wkoll opportunità ta’ bilanċ akbar tal-poter flimkien ma’ ħarsien aqwa tal-kostituzzjoni u tal-istituzzjonijiet kif proponiet anke l-Kummissjoni Venezja.
Il-Partit Nazzjonalista diġà ppropona li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament biex jiġi assigurat l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u biex dawn l-istituzzjonijiet iservu tassew liċ-ċittadini aktar milli jintużaw kif jaqbel lill-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li President tar-Repubblika maħtur biż-żewġ terzi tal-voti tal-kamra jista’ wkoll jingħata l-aħħar kelma meta l-Kamra tad-Deputati ma’ taqbilx b’żewġ terzi tal-voti dwar għażliet ta’ ħatriet ta’ kummisjonijiet u awtoritajiet kostituzzjonali (bħall-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni Elettorali, l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u oħrajn). Dan kien inaqqas il-poter eċċessiv li għandu l-Prim Ministru kif iddikjarat mill-Kummissjoni Venezja stess, filwaqt li joħloq bilanċ akbar tal-poter u jħares aktar l-indipendenza tal-istituzzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari sabiex jiddiskuti din il-ħatra importanti.
//= $special ?>