Lokali

Il-GWU se tagħlaq il-Union Print

Il-ħaddiema se jintbagħtu jaħdmu mad-De La Rue

Il-General Workers’ Union infurmat lill-ħaddiema tagħha fid-Dipartiment tal-Istampar li b’effett mill-31 ta’ dan ix-xahar – Jum il-Ħelsien – dan id-Dipartiment se jingħalaq.

Jirriżulta li l-ħaddiema f’dan id-Dipartiment tal-Istampar se jintbagħtu jaħdmu mal-kumpanija De La Rue. Fil-fatt matul il-ġimgħat li għaddew kienu għaddejjin taħditiet bejn il-Management tal-Union u dak tal-kumpanija De La Rue biex dawn il-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol mill-Union, ikunu assorbiti fil-fabbrika tad-De La Rue.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li l-ħaddiema tal-Union ftit li xejn kienu jafu b’dawn il-manuvri fil-konfront tagħhom għajr għal nofs il-ġimgħa l-oħra meta ssejħet laqgħa għalihom u kienu mgħarrfa b’dawn l-iżviluppi.

Fil-laqgħa ngħad ukoll lill-ħaddiema kollha li b’effett mill-31 ta’ Marzu li ġej il-ħaddiema li jifdal, allura dawk abbonati mal-Kamra tal-Aħbarijiet, se jkunu trasferiti lejn il-binja tal-General Workers’ Union fil-Belt Valletta.

Il-kumpless tal-General Workers’ Union fil-Marsa qed jingħad li se jgħaddi għand kumpanija li tikri l-karozzi u l-inġenji.