Il-finanzi mhumiex kollox. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar oqsma oħra f’Malta, fosthom, il-qasam tas-saħħa, tal-pensjonijiet, tal-edukazzjoni, tal-governanza tajba, u l-pjaga tal-ħasil ta’ flus.
Kliem il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għax-Xogħolijiet, Tkabbir, Investiment u Kompetittività, Jyrki Katainen waqt Business Breakfast organizzat mill-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola – Business Breakfast illi kellu l-għan li joffri pjattarforma għal diskussjoni dwar programmi li toffri l-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar u medji.
Katainen qal li ħafna minn dawn in-negozji qed jitilfu opportunitajiet kbar ta’ għajnuniet mill-Unjoni Ewropea, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni li għandhom. Jidher li n-negozjanti Maltin m’għandhomx biżżejjed aċċess għal informazzjoni dwar l-għajnuniet li jistgħu jibbenefikaw minnhom u għaldaqstant qed jonqsu milli jagħmlu dan.
L-istqarrija ta’ Katainen tirrifletti dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta fl-istess attivita’ irrefera għal dan in-nuqqas ta’ informazzjoni minn naħa tal-Gvern qed tissarraf f’telf ta’ opportunitajiet ta’ tkabbir għal dawn in-negozji.
Adrian Delia qal ukoll li n-negozjant Malti dejjem kellu entużjażmu u enerġija, u li ċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandux jaħdem kontrina. Iżda wieħed irid jara li pjani ta’ investment tal-Unjoni Ewropea ikunu addattati għal pajjiż bħal tagħhna.
Roberta Metsola minn naħa tagħha tkellmet ukoll dwar il-fatt li ma jistax ikollok pjan ta’ tkabbir li hu ‘one size fits all’ meta tqis il-qisien daqstant differenti tal-ekonomiji tal-pajjiżi Ewropej. Hi rreferiet għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex u l-importanza li nħarsu lejn l-isfidi veri tal-gżejjer tagħna.
Jyrki Katainen spjega kif negozji żgħar jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-għajnuniet, bħal ma għamlu ħafna fil-Greċja, il-Portugall, l-Estonja u Spanja. Mijiet ta’ eluf ta’ SMEs fl-Ewropa qasmu bejniethom mal-500 biljun Ewro minn dawn il-fondi.
Hu temm billi qal li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tkompli tinvesti sabiex iktar u iktar SMEs isibu għajnuniet permezz ta’ pjan ġdid bl-isem Invest EU li se jidħol fis-seħħ fl-2021.
//= $special ?>