Il-Partit Nazzjonalista jimpurtah mir-residenti, jimpurtah mill-familji, jimpurtah mill-anzjani. Sosnta dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara fl-lokalità ta’ Raħal Ġdid fejn kellu l-okkażjoni jiltaqa’ mar-residenti kif ukoll ma’ sidien ta’ stabbilimenti kummerċjali.
Huwa kien akkumpanjat minn kunsilliera, deputati kif ukoll diversi kandidati għall-elezzjonijet li se jsiru f’Mejju, kemm dik tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali.
Raħal Ġdid ilu magħruf għal ħafna snin bħala wieħed miċ-Ċentri Kummerċjali ewlenin fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Jirriżulta li minkejja l-investiment tal-Gvern fil-Pjazza ta’ din il-lokalità, in-negozju jidher li sejjer lura minflok ‘il quddiem. Wieħed mill-fatturi prinċipali għal dan hu n-nuqqas ta’ parkeġġ li jeżisti madwar iċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid. Bil-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, il-Gvern neħħa wkoll l-parkeġġ miż-żona tal-Poliklinika ta’ din il-lokalità u llum għandna sitwazzjoni li jekk anzjan jew pazjent jiġi bil-karozza tiegħu, ma jsibx fejn jipparkja.
Adrian Delia sostna li f’Soċjetà li Jimpurtaha irid ikollok bankini aċċessibbli, toroq tajbin, l-ambjent tal-lokalità sabiħ u arja nadifa. Jidher li f’Raħal Ġdid, hemm problma ta’ bankini mhux aċċessibbli u bankini bi ħsarat kbar…bil-konsegwenza li wieħed isibha diffiċli biex jimxi fuqhom. L-istess jista’ jingħad għat-toroq, fejn ir-residenti li tkellmu mal-Kap tal-PN esprimew it-tħassib tagħhom li diversi toroq huma mħarbta u mkissra.
Jekk wieħed imur ftit passi ‘l bogħod mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, isib il-kumpless ta’ Pace Grasso li minkejja diversi wegħdi min-naħa tal-Gvern, għadu fi stat ta’ abbandun totali.
Problema oħra li tkellmu dwarha diversi residenti u sidien ta’ stabilimenti, kienet dik tat-traffiku.
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista għandu minoranza fil-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità, il-Kunsilliera se jkomplu jaħdmu kif dejjem għamlu sabiex dawn in-nuqqasijiet, żgħar u kbar, ikunu riżolti kemm jista’ jkun malajr. Dan sabiex il-Pawlisti ikunu jistgħu jgħixu f’livell ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>