Ħdax-il NGO huma rrabbjati għall-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għax għadha ma rrevedietx il-policy eżistenti dwar il-pompi tal-petrol u għal kummenti li jindikaw li, meta tiġi riveduta, il-policy l-ġdida xorta se tippermetti pompi tal-petrol ODZ.
Din is-saga dwar il-Fuel Service Stations Policy tidher li hija destinata li tkompli hekk kif għaddew sena u xahrejn minn meta ġie mwiegħed mill-awtoritajiet li se tkun riveduta, imma s’issa l-pubbliku għad m’għandux risposta għala din ir-reviżjoni tal-policy ma saritx.
Huwa wkoll ta’ tħassib li l-Ministru tal-Ippjanar Ian Borg qal li, wara kollox, meta tkun riveduta l-policy, din xorta jista’ jkun li tibqa’ tippermetti pompi tal-petrol ODZ.
Minkejja sejħiet kontinwi minn ċittadini, NGOs u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex titneħħa l-possibiltà ta’ pompi tal-petrol ODZ, l-awtoritajiet jidhru determinati li jżommuha.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ERA, mitluba direttament mill-Ministeru tal-Ambent, jiddikjaraw b’mod ċar li “siti ODZ m’għandhomx ikunu meqjusa bħala siti potenzjali għal pompi tal-petrol ġodda jew rilokati”.
Il-policy eżistenti tippermetti l-iżvilupp kemm ta’ pompi tal-petrol ġodda kif ukoll ta’ dawk rilokati fuq art agrikola u naturali klassifikata bħala ODZ, b’kobor li jasal sa 3,000 metru kwadru. Hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol ODZ, b’erbgħa minnhom diġa approvati u l-oħrajn li għadhom qed jiġu pproċessati, li b’kollox ikopru biċċa art li fiha daqs ħames darbiet il-Fosos tal-Furjana. Barra minn hekk, iż-żewġ applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol ODZ li ġew irtirati mill-applikanti fis-26 ta’ Frar jistgħu jerġgħu jiġu sottomessi aktar tard. Fil-fatt, waqt li din ir-reviżjoni tkompli ttawwal lil hinn minn kull żmien raġonevoli, applikazzjonijiet għal proġetti bħal dawn jibqgħu deħlin, bil-konsegwenza li l-art ODZ, li dejjem qed tiċkien, tkompli tiġi mhedda.
Fi stqarrija, l-ngo’s qalu li policy reveduta tal-pompi tal-petrol – waħda li tiprojbixxi pompi tal-petrol ODZ – jeħtieġ li tkun implimentata minnufih.
//= $special ?>