Il-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci jemmen li preżentament teżisti ħafna burokrazija biex il-proġett li għandu hu flimkien ma’ Floriana F.C. iseħħ. Hu qal dan waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM fejn ta aktar dettalji dwar il-proċess ta’ dan il-proġett kif ukoll semma dak li hu għaddej bħalissa minnu l-klabb Furjaniż.
Gaucci qal li huma żviluppaw proġett ambizzjuż u kienu qrib ħafna li jiffirmaw mal-Gvern ftit tas-snin ilu fejn saħansitra kellhom il-kuntratti lesti, iżda ntqal lilhom biex jistennew ftit minħabba li riedet tgħaddi l-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni.
Huma bħala klabb issottomettew id-dokumenti kollha lill-kummissjoni u qegħdin jistennew il-permessi neċessarji. “Aħna ninsabu lesti u qegħdin nistennew.” Gaucci żied li issa ż-żmien twal u kkonferma li teżisti xi ftit burokrazija żejda, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li sentejn ilu kienu kważi ffirmaw. Hu awgura li tittieħed id-deċiżjoni finali tal-kuntratt li hu twil bejn 60 u 70 paġna, proġett li kien deskritt mill-President ta’ Floriana bħala proġett li se jiġbor fih il-komunita Furjaniża.
Fl-aħħar ġimgħat, Gaucci kien qed jiġi kkritikat minn sezzjoni ta’ partitarji li donnhom iridu lura lill-eks President tal-klabb Johann Said. B’referenza għal dan, Gaucci li “kelli l-bsaten fir-rotti minn eks President li tefa’ l-bsaten fir-roti tiegħi personalment u dawk li jaħdmu miegħi.”
It-Taljan żied li dan il-fatt ma jgħinx lit-tim li jafu l-ħidma li ssir. “Wasalt ħames snin ilu meta Floriana kienu se jagħlqu l-bibien u llum hemm klabb b’saħħtu sostenibbli fejn anki għamilna trasferimenti ta’ plejers importanti. Illum il-klabb għandu identità u stabbiltà ekonomika li jfisser li saret xi ħaġa tajba. Imbagħad wara dan kollu, jiġi eks President u jrid itajjarni ‘l barra,” qal Gaucci.
//= $special ?>