Futbol Sport

Victor Sciriha jemmen li sal-aħħar ta’ Marzu l-art se tgħaddi lil Valletta

Il-President ta’ Valletta Victor Sciriha ta l-aħħar dettalji dwar il-proċess biex Valletta F.C ikollhom l-art li ilha tkun mwiegħda. Sciriha qal waqt Replay Ikompli li l-ftehim jiddependi kollox mill-art u qal li “l-proċess miexi tajjeb u nemmen li sal-aħħar ta’ Marzu l-art se tkun mogħtija lilna.”

Victor Sciriha qal li wara li jseħħ dan, jiġu l-investituri minn Dubai biex jitkellmu u kkonferma li jekk ma jkunux huma jkunu ħaddieħor, iżda saħaq li huma l-ewwel preferenza. “Il-kundizzjonijiet tagħna se jibqgħu l-istess li kienu. Persważ li jkun hemm investituri li jidħlu flokhom jekk jaqa’ kollox.” Il-President ta’ Valletta qal li r-relazzjoni mal-investituri dejjem kienet l-istess u kkonferma li l-pagi qed jinħarġu mill-klabb.

Sciriha żied li l-proposti tagħhom jafu x’inhuma l-investituri, imbagħad iridu jiddeċiedu huma jekk ikomplux f’dan il-ftehim. “Skont l-aħħar li kont Dubai jien, wans li tiġi l-art, il-ftehim se jonorawh. L-art hi iżgħar imma d-differenza hi li qabel ma stajtx tikkumerċjalizza u din tista’,” żied il-President ta’ Valletta.

Victor Sciriha kompla li l-proġett għandu t-tul għaliex hemm ċertu ammont ta’ żmien biex jitnaddaf il-post, madwar sena u nofs. Hu qal li dan ma jinkwetahx għaliex sa dak iż-żmien jilħqu jagħmlu l-applikazzjonijiet neċessarji mal-periti biex jilħqu joħorġu l-permessi.