Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech b’ħidma biex jiddefendi s-settur tal-farmaċewtika

“L-industrija tal-farmaċewtika hi settur ekonomiku importanti għal Malta biex tiġġenera tkabbir ekonomiku sostenibbli u impjiegi tajbin li jridu jkunu salvagwardati b’kull mezz possibbli. Grazzi għal koperazzjoni tajba, irnexxielna nissalvagwardjaw l-industrija tal-farmaċewtika f’Malta wara reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-farmaċewtika u l-impatt li din ir-reviżjoni jista’ jkollha fuq l-industrija.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali approva ftehim proviżorju wara negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari (SPC) għal prodotti mediċinali, b’24 vot favur, 1 kontra u ebda astensjoni.

Aktar kmieni, Francis Zammit Dimech kellu diskussjonijiet mar-Rapporter u laqgħat ma’ uffiċjali mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Malta Enterprise, li rringrazzjahom għall-kollaborazzjoni u l-appoġġ. Zammit Dimech kellu laqgħa wkoll mal-Federazzjoni Ewropea għall-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet tal-Farmaċewtika (EFPIA).

L-SPC hu dritt ‘sui generis’ li l-għan tiegħu hu li jikkumpensa parzjalment l-innovaturi għall-ħin mitluf waqt it-testijiet kliniċi, provi u rekwiżiti regolatorji oħra li huma bżonnjużi biex tinħareġ l-approvazzjoni ta’ mediċina. Id-dritt sar biex l-industrija tal-farmaċewtika tingħata inċentiv biex tkompli tkun fuq quddiem fl-innovazzjoni. Tassigura wkoll protezzjoni minn kompetizzjoni inġusta għal perjodu limitat ta’ żmien, għaliex tippermetti kumpaniji biex isostnu l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp. SPC tidħol fis-seħħ wara li l-patent tiskadi u ma tkunx tista’ tiġi estiża wara ħames snin. Taħt l-iskema attwali tal-UE, dawk li għandhom SPCs għandhom id-dritt li jipprevjenu partijiet terzi milli jimportaw jew jimmanifatturaw il-prodott waqt li l-SPC tkun għadha effettiva.

Bħala parti mir-reviżjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-introduzzjoni ta’ rinunzja fir-regolamenti tal-SPC li jippermettu l-manifatturi biex jipproduċu prodotti mediċinali li jkunu għadhom taħt il-protezzjoni tal-SPC għall-esportazzjoni lil pajjiżi terzi. L-għan hu li tissaħħaħ il-kompetittività u jkunu indirizzati l-iżvantaġġi li jistgħu jiffaċċjaw mal-manifattura barra mill-UE f’termini ta’ aċċess għas-swieq ta’ esportazzjoni.

Il-problemi bir-reviżjoni żviluppaw meta saru proposti li jintroduċu tieqa ta’ sentejn fil-proposta kif preżentata mill-Kummissjoni li tippermetti l-produzzjoni tal-prodotti biex jitpoġġew fis-swieq tal-Istati Membri wara li ċ-ċertifikat ikun skada. L-MEP Zammit Dimech oppona l-inklużjoni ta’ din il-klawżola u dan biex jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Malta, għaliex din iddgħajjef lill-innovaturi fl-UE. L-MEP Zammit Dimech ikkontribwixxa biex il-perjodu jonqos minn sentejn għal 6 xhur, filwaqt li argumenta li hu kruċjali li nissalvagwardjaw il-kompetittività tal-UE.

Zammit Dimech enfażizza: “Irridu nkomplu nassiguraw li jkollna protezzjoni robusta tal-IP. Jekk nagħmlu hekk, inkunu nistgħu nassiguraw il-provvista ta’ mediċini ġodda li jittrattaw il-mard, u li jistgħu jsalvaw u jtawwlu l-ħajja tan-nies. L-innovazzjoni hu kruċjali għal ekonomija kompetittiva u din irridu nsaħħuha u mhux nagħmlu xi ħaġa li ndgħajfuha.” Hu sejjaħ ukoll għal evalwazzjoni sħiħa tal-impatt tal-ħażna, inkluż fuq l-investiment li jsir fuq ir-riċerka kif ukoll fuq l-impjiegi. Zammit Dimech irrimarka li l-innovazzjoni hi kruċjali mhux biss għall-pazjenti biex nassiguraw futur aktar b’saħħtu, imma anke għall-kompetittività Ewropea u biex jiġu ndirizzati l-isfidi tas-soċjetà.

Permezz ta’ qafas leġislattiv attraenti, Malta rnexxielha tiżviluppa vantaġġ kompetittiv fis-settur tal-farmaċewtika li jridu jkunu salvagwardati. Is-settur tal-farmaċewtika hu importanti għal Malta u ikkontribwixxa għal żieda fl-esportazzjoni kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi. Is-settur għen ukoll biex offra opportunitajiet ta’ karrieri ġodda lil dawk li jistudjaw ix-xjenzi kemm fl-MCAST kif ukoll fl-Università ta’ Malta.

Zammit Dimech qal li dan hu eżempju ta’ kif ir-reviżjonijiet tal-liġijiet tal-UE jistgħu jħallu impatt fuq Malta u kif il-ħidma tal-MEPs hi kruċjali biex ikun assigurat li l-liġi tirrifletti l-prijoritajiet tagħna. Xenarju simili seħħ fuq rapport dwar il-Liġi tal-Kumpaniji li ġie approvat is-sena li għaddiet mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali. L-abbozz oriġinali propost mill-Kummissjoni Ewropea issuġġerixxa li l-konverżjoni ta’ kumpanija minn pajjiż għall-ieħor tkun projbita minn awtoritajiet kompetenti, jekk dan il-ftehim jkun se jwassal għal vantaġġi ta’ taxxa. Zammit Dimech ressaq emendi u sab konsensus mill-gruppi politiċi l-oħra biex jassigura li t-test dwar temi ta’ tassazzjoni jitneħħa, biex jassigura li temi ta’ taxxa jibqgħu taħt il-kompetenza nazzjonali.

Zammit Dimech ħeġġeġ lill-Gvern biex jinvesti aktar f’setturi ekonomiċi ġodda li joħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità u investiment. Hu insista wkoll biex isir aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għaliex Malta qegħda fit-tielet post mill-aħħar f’dan il-qasam.