Ġie ppreżentat uffiċjalment il-proġett għall-iżvilupp tal-kowċis imniedi mill-Malta Basketball Association bil-kollaborazzjoni tal-Federazzjoni Taljana tal-Basketball. Dan il-proġett għandu l-għan li mill-istaġun 2020/2021, kull kowċ lokali jkollu liċenzja li biha jkun jista’ jmexxi tim f’kull livell li jaqa’ taħt l-MBA.
Il-President tal-MBA Paul Sultana spjega x’wassal għal dan il-ftehim li hu riżultat ta’ koperazzjoni li minn dejjem kienet tajba mal-Federazzjoni Taljana u li biha se tibda titħaddem din l-akkademja tal-kowċing f’pajjiżna. Sultana rringrazzja lil Adrian Mifsud u Nicolò Petrucci li għenu biex dan il-proġett seta’ jitwettaq.
Il-President tal-Federazione Italiana Basket Giovanni Petrucci għamel referenza għal perjodu bħala President tal-Kumitat Olimpiku Taljan kif ukoll fl-FIGC fejn qal li r-relazzjoni ma’ Malta kienet mill-aqwa.
Petrucci semma l-eżempji ta’ Taljani bħal Pietro Ghedin u Angela Adamoli li għamlu suċċess f’pajjiżna. Hu żied jgħid li l-MBA taħt it-tmexxija ta’ Paul Sultana hi eżempju ċar tat-twettiq tal-prinċipji tal-isport u l-impenn li l-assoċjazzjoni Maltija qed tagħmel biex il-basketball ikompli jiżviluppa.
L-ewwel fażi se tkun pjattaforma online li mir-riżultati u evalwazzjoni ta’ kull kowċ twassal għat-tieni sessjoni li tkun sessjoni prattika. L-ewwel fażi tal-evalwazzjoni tal-kowċis għandha tibda bejn Mejju u Ġunju u ssir kull sena. Dawk li jgħaddu jkollhom liċenzja rikonoxxuta mill-MBA u l-FIP.
L-istess liċenzja se tkun valida wkoll għall-Italja u b’hekk il-kowċis Maltin ikunu jistgħu jmexxu tim fl-Italja fil-livell ta’ dilettanti.
//= $special ?>