Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tellef lill-pajjiż opportunità tajba – Clyde Puli

“Il-Partit Nazzjonalista qed jiġġedded – qed isiru riformi kbar”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tellef lill-pajjiż opportunità tajba sabiex tingħata ċertu awtorità lill-President tar-Repubblika filwaqt li fl-istess ħin tiġi salvagwardata l-governanza tajba vis a vis dak li ntqal mill-Kummissjoni Venezja; rapport li ġie aċċettat kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll mill-Gvern.

Hekk sostna is-Segretarju Ġenerali tal-Partit  Nazzjonalista Clyde Puli f’intervista fuq il-programm Dissett filwaqt li insista li l-oppożizzjoni fl-ebda ħin ma kienet kontra l-persuna ta’ George Vella jew l-integrità tiegħu – iżda jemmen li l-Gvern tilef opportunità.

Fid-dawl li qed joqorbu l-elezzjonijiet kemm tal-Kunsilli Lokali kif ukoll tal-Membri Parlamentari Ewropej, Clyde Puli sostna li s’issa għadu ma ntlaħaqx qbil dwar is-sistema elettronika tal-għadd tal-voti. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li proċess għandu jiġi faċilitat il-proċess b’mod sigur u mhux b;patafjun  ta’ żbalji li instabu fis-sistema li suppost kienet foolproof. Dan filwaqt li Clyde Puli spjega li l-proposti li l-Partit Nazzjonalista ressaq jidher li ser jintlaħqu.

Huwa saħaq ukoll li t-tattika tal-Gvern hija li jitfa l-ħtija fuq l-MEPs nazzjonalisti flok jgħidu li kien il-Gvern Laburista stess li għamel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Clyde Puli għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn riforma u qed jiġġeded  – qed isir Partit żagħżugħ – Partit bil-bibien miftuħa għal kulħadd li verament jisma.

Huwa kompla li l-messaġġ lil dawk kollha li għadhom indeċiżi fl-elezzjoni li ġejja huwa wieħed; min jaf kieku x’kien isir b’dawk is-€750miljun ewro li l-poplu tilef minn ħalqu kawża tal-korruzzjoni.