Futbol Sport

Il-protesta ta’ Pochettino fi tmiem il-logħba kontra Burnley tiswa qares

Il-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino ngħata sospensjoni ta’ żewġ logħbiet u mmultat ftit anqas minn €12,000 mill-FA Ingliża wara l-konfrontazzjoni li kellu mar-referee Mike Dean fi tmiem il-logħba tat-telfa kontra Burnley.

Pochettino ammetta li qabeż il-linja mal-uffiċjali u aktar tard għamel apoloġija pubblika lil Dean. L-Arġentin ta’ 46 sena aċċetta l-akkuża tal-FA Ingliża ta’ kondotta mhux xierqa fejn wara l-inċident kien qal li dak mhux mod kif wieħed iġib ruħu.

L-Arġentin ma kienx żvela x’qal lil Dean f’Turf Moor jew ir-raġuni tar-reazzjoni li kellu, minkejja li kien ilmenta fuq korner li wassal għal gowl ta’ Burnley. Mauricio Pochettino se jiskonta s-sospensjonijiet fil-logħbiet kontra Southampton fis-St. Mary’s Stadium fid-9 ta’ Marzu u kontra Liverpool fil-31 ta’ Marzu.