Rugby Sport

Kieran Read se jirtira mit-tim nazzjonali ta’ New Zealand

Il-captain ta’ New Zealand Kieran Read se jirtira mir-rugby internazzjonali wara t-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena fil-Ġappun. Read li għandu 33 sena, lagħab 118-il logħba mal-All Blacks u għen biex pajjiżu jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2011 u l-2015.

Is-sena d-dieħla, Read se jħalli lil Crusdaers biex jingħaqad ma’ Toyota Verblitz fil-Ġappun minflok ingħaqad ma’ klabb Ewropew. “Il-Ġappun hu eqreb aktar minn Ewropa lejn id-dar tiegħi u probabbilment hu aktar aħjar fiżikament għalija,” qal il-captain tal-All Blacks.

Read għamel id-debutt internazzjonali kontra l-Iskozja fl-2008 u sar captain tat-tim nazzjonali fl-2015 wara li rtira Richie McCaw wara t-Tazza tad-Dinja. Hu qal li ta l-aħbar issa biex ikun jista’ jikkonċentra fuq l-istaġun tas-Super Rugby u t-Tazza tad-Dinja.