Lokali

Konfermati żewġ investigazzjonijiet dwar l-isplużjonijiet ta’ gass

Ir-REWS u l-MCCAA qed imexxu investigazzjonijiet indipendenti

Wara l-inċidenti tal-aħħar jiem li involvew splużjonijiet relatati ma’ ċilindri tal-gass, ir-Regolatur tal-Enerġija, r-REWS, u l-MCCAA – l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur bdew investigazzjonijiet separati. Dan minbarra l-inkjesta maġisterjali li nfetħet il-ġimgħa li għaddiet wara li raġel Misidjan tilef ħajtu fi splużjoni li seħħet fl-appartament tiegħu u li tidher li kienet splużjoni ta’ gass.

Fl-aħħar jiem seħħew tlett inċidenti li kollha jidhru li huma marbuta ma’ ċilindri tal-gass.

Fi stqarrija maħruġa mir-REWS, intqal li l-inċidenti mhumiex relatati.

Huma qalu li qed isir stħarriġ sabiex jiġi stabbilit li regulators u valves li hawn fis-suq huma skont l-istandards mitluba mill-liġijiet Ewropej. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ mistennija jieħdu 15-il ġurnata biex joħorġu.

L-istqarrija tgħid ukoll li se jkunu spezzjonati ċilindri tal-gass. Madankollu l-istess stqarrija fl-ebda’ ħin ma tirreferi għall-proċess tal-ibbottiljar tal-gass u jekk hux se jkun mistħarreġ dan il-proċess.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li dan l-aħħar sar tibdil dwar kif isir il-proċess tal-ibbottiljar. Proċess li hu meqjus bħala delikat ħafna u li jista’ jkollu konsegwenzi jekk ma jsirx kif suppost.

Stqarrija minn Liquigas Malta

Id-dettalji tal-aħħar żewġ inċidenti li involvew il-gass kif ixxandru f’xi mezzi tax-xandir, sfortunatament ma kinux korretti, peress li fl-ebda każ minnhom ma kien hemm xi splużjoni ta’ ċilindru. Inċident minnhom kien ir-riżultat ta’ apparat difettuż u l-ieħor seħħ għaliex il-pajp kien maqsum. L-ewwel każ mit-tlett inċidenti riċenti jinsab taħt investigazzjoni maġisterjali u għalhekk wieħed ma jistax jitkellem dwaru qabel ma tintemm l-inkjesta, spjega kelliem ta’ Liquigas Malta.

Iċ-ċilindri kollha, ħodor u sofor ta’ Liquigas, jimtlew fil-faċilità moderna f’Benghajsa b’investiment ta’ €25 miljun. Hemmhekk, kull ċilindru jkun ittestjat individwalment qabel ma jitqassam fis-suq. B’mod regolari, iċ-ċilindri huma ukoll ittestjati u ċċertifikati mit-TUV, li hi l-assoċjazzjoni ta’ spezzjonijiet tekniċi li twettaq ittestjar skont standards u direttivi internazzjonali li huma approvati minn marki ewlenin ta’ kwalità u sigurtà.

L-awtoritajiet Maltin ukoll jissorveljaw l-operat tal-mili taċ-ċilindri, u dejjem sabu li ċ-ċilindri ta’ Liquigas jikkonformaw mar-regolamenti kollha.

Il-konsumaturi huma mħeġġa biex jiżguraw li kull apparat li jitħaddem bil-gass jinżamm f’kundizzjoni tajba, kif għandhom ikunu ukoll kull regolatur u pajp tal-gass (rubber hose).

Xi regolaturi fis-suq mhumiex ta’ kwalità tajba. Fi kwalunkwe każ, ir-regolaturi għandhom jinbidlu kull 10 snin. Ir-regolatur il-qadim għandu jintrema minnufih biex qatt ma jerġa’ jintuża jew jerġa’ jkun installat. Ir-regolaturi huma magħmulin mill-manifatturi b’mod preċiż biex jikkontrollaw il-pressjoni tal-provvista, u għalhekk ma għandhomx ikunu mbgħabsa jew aġġustati b’xi mod jew ieħor.

Għandhom ikunu installati biss pajpijiet maħduma apposta biex iservu ta’ pajp tal-gass. Dawn għandhom ikunu ċċekkjati regolarment għal xi possibilta’ ta’ xquq u, barra minn hekk, għandhom jinbidlu kull ħames snin.
Bħal kull fjuwil ieħor, il-gass hu sigur sakemm jintuża sewwa. Jekk ikun hemm suspett ta’ ħruġ ta’ gass, il-gass għandu jingħalaq immedjatament u r-regolatur jitneħħa minn fuq il-valv taċ-ċilindru. Għandhom jinfetħu il-bibien u t-twieqi kollha biex ikun hemm ventilazzjoni tajba.

Fil-każ ta’ ċilindri ta’ Liquigas, il-klijenti huma mħeġġa jivverifikaw li dawn ikollhom is-siġill bil-marka Liquigas.