PARIS SAINT-GERMAIN…………. 1
G. Buffon, T. Kehrer (L. Paredes 70′), T. Silva, P. Kimpembe, J. Bernat, M. Verratti, Marquinhos, D. Alves (E. Cavani 95′), J. Draxler (T. Meunier 70′), A. Di Maria, K. Mbappe
MANCHESTER UNITED………….. 3
D. De Gea, A. Young (M. Greenwood 87′), V. Lindelof, E. Bailly (D. Dalot 36’), C. Smalling, L. Shaw, S. McTominay, Fred, A. Pereira (T. Chong 80′), M. Rashford, R. Lukaku
Imwissija: A. Di Maria 34’, L. Paredes 75’ (P), L. Shaw 98’ (M)
Skorjaw: R. Lukaku 3’, 30’, M. Rashford 93’ (M), J. Bernat 12’ (P)
Referee: Damir Skomina (Slovenja)
Manchester United għamlu dak li kien diffiċli ħafna u dawru żvantaġġ ta’ 2-0 meta rebħu 3-1 biex eliminaw lil Paris Saint-Germain u għaddew mal-aħħar tmienja tal-UEFA Champions League. Il-gowl deċiżiv wasal proprju fil-ħin miżjud minn penalty ta’ Marcus Rashford li kessaħ lil dawk kollha preżenti fil-Parc des Princes.
Il-mertu jmur kollu għat-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer li minkejja diversi plejers nieqsa rnexxielhom b’xi mod joħolqu sorpriża oħra wara dik ta’ Ajax. Huma ma kellhomx l-inizjattiva tal-logħba, iżda ħadu l-ftit okkażjonijiet li kellhom u waħħlu lil Paris Saint-Germain għat-tielet staġun konsekuttiv sal-aħħar 16.
Manchester United kellhom bidu mill-aqwa meta fetħu l-iskor wara tliet minuti. Kien żball ta’ Timo Kehrer li qassam ħażin għan-nofs, b’ROMELU LUKAKU jieħu vantaġġ biex wara li qabeż lil Gianluigi Buffon skorja f’lasta vojta. PSG ġabu d-draw fit-12-il minuta b’Kylian Mbappe jiżmarka ruħu tajjeb biex irċieva vertikalment fl-ispazju. Il-Franċiż tefa’ kross fil-baxx mil-lemin li għadda tul il-lasta lejn JUAN BERNAT li wkoll żmarka ruħu biex għeleb lil David De Gea mill-viċin.
Juan Bernat kien imċaħħad minn De Gea b’xutt pjuttost ċentrali biex ftit wara Angel di Maria ta l-illużjoni tal-gowl b’xutt b’saħħtu li għadda ftit barra. Iżda kontra x-xejra tal-logħob, Manchester United reġgħu marru minn fuq man-nofs siegħa logħob, bil-gowlkiper Buffon ma jżommx xutt insidjuż ta’ Marcus Rashford biex daħal ROMELU LUKAKU li kompla għal ġewwa.
PSG kienu għoddhom ġabu d-draw fis-56 minuta meta Di Maria qabbeż fuq De Gea mill-viċin iżda l-gowl tħassar għal offside. Il-Franċiżi komplew jikkontrollaw il-logħba iżda naqsu li jheddu serjament il-lasta ta’ De Gea. Kylian Mbappe seta’ għalaq id-diskors dwar il-kwalifikazzjoni fit-83 minuta meta ġie wiċċ imb wiċċ ma’ De Gea iżda żelaq fil-mument opportun, bil-ballun jispiċċa għand Bernat li ra x-xutt tiegħu jistampa mal-wieqfa.
Iżda kienu Manchester United li skorjaw il-gowl tal-kwalifikazzjoni fit-93 minuta meta ngħataw penalty wara li Damir Skomina ordna penalty bil-VAR wara li ġġudika li xutt ta’ Diogo Dalot ġie mċaħħad minn id Kimpembe. Mill-11-il metru, MARCUS RASHFORD għeleb lil Gianluigi Buffon.
//= $special ?>