Kunsilli Lokali Lokali

It-tfal tal-Imsida spiċċaw imċaħħda mill-iskola tagħhom – Adrian Delia

It-tfal Misidjani għadhom ma jistgħux jitgħallmu fil-lokalità tagħhom stess, għaliex il-Gvern qed jitratini milli jlesti l-iskola Primarja tal-lokal. Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia meta l-Ħamis żar il-lokalità tal-Imsida.

Għal din iż-żjara Adrian Delia kien akkumpanjat minn Kunsilliera, kandidati għall-Kunsill Lokali u għal MEP’s, il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo kif ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Kristy Debono.

Il-Misidjani kellhom l-opportunita jesprimu t-tħassib taghhom dwar l-iżvilupp eċċessiv li qiegħed isir fil-lokalità, bi problemi oħra li dan qiegħed iġib miegħu, partikolarment in-nuqqas ta’ sigurtà u t-traffiku.

Mill-2006 ‘l hawn taħt maġġoranza Laburista ma sar l-ebda proġett apparti l-Pjazza ta’ quddiem il-knisja, fejn l-istess proġett naqas milli jagħti dak li hu xieraq, ghaliex il-pjazza għadha mhux imdawla. Fl-istess lokalità hemm problema ta’ housing soċjali, fejn Gvern Laburista ma tax widen ghal din il-problema.

Il-Kap tal-PN sostna li l-Gvern Ċentrali qed jitnikker milli jinvesti f’aktar proġetti li jistgħu jtaffu l-problema tal-għargħar.

Huwa qal li fl-Imsida hemm potenzjal li jintrabtu flimkien il-ħajja li jagħtu l-istudenti, flimkien mal-ħajja li tagħti l-marina u l-madwar, dan ikun investiment għal-lokalità u kif ukoll għar-resident li jistgħu jigwadanjaw ħafna.

Adrian Delia sostna li Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista se jħares li jkun il-vuċi tal-lokal u li jġib il-bidla meħtieġa fl-Imsida.

Il-Partit Nazzjonalista fl-Imsida se jibqa’ jaħdem li jagħraf il-potenzjal Misidjan u dak tal-Imsida biex il-problemi jiġu opportunitajiet u b’hekk ikunu affrontati u solvuti, dan biex ikun hemm aktar benefiċċju għar-residenti.