Lokali

40,000 persuna mhux qed ilaħħqu mal-ħajja

8.7% tal-popolazzjoni Maltija mċaħħda minn affarijiet bażiċi

Bil-ħajja dejjem togħla…40,000 persuna f’Malta mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar. Filwaqt li familja minn kull tlieta ma taffordjax btala darba f’sena.

Skont ċifri maħruġa mill-NSO, dawk il-persuni li kienu imċaħħda minn affarijiet bażiċi fl-2018 kienu jammontaw għal 8.7% – data li hi maħduma skont kemm għandhom dħul bħala paga.

Meta mqabbel mas-sena 2017, din ir-rata żdiedet bi kważi 1%. Dan ifisser li għall-ewwel darba mill-2013, kellna żieda f’dawk il-persuni li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.

Individwu jista’ jitqies bħala persuna mċaħħda minn affarijiet bażiċi jekk ma jkunx jista’ jaffordja mill-anqas tlieta mid-disa’ oġġetti essenzjali fil-ħajja. Dawn jinkludu ħlas ta’ spejjeż mhux pjanati, btala ta’ ġimgħa f’pajjiż ieħor, ikla li tinvolvi laħam jew ħut kull jumejn, sistema adekwata ta’ sħana fid-dar, apparat domestiku bħal washing machine, sett tat-televiżjoni, mobile u karozza, kif ukoll li jkun jista’ jħallas l-arretrati. 3% tal-popolazzjoni Maltija ma taffordjax mill-inqas erbgħa minn dawn id-disa’ oġġetti essenzjali.

L-istatistika tal-NSO turi li iktar minn 10% tal-persuni li għandhom 17-il sena jew inqas, huma imċaħħda minn affarijiet bażiċi. Dan filwaqt li 8.3% tal-persuni bejn it-18 u l-65 sena kif ukoll dawk li għandhom iktar minn 65 sena, jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

Minn dan l-istħarriġ ħareġ li iktar minn 30 fil-mija tal-popolazzjoni qalu li l-familja tagħhom ma setgħetx taffordja li tħallas għal ġimgħa btala annwali bogħod mid-dar. Barra minn hekk, 13.9 fil-mija qalu li ma jaffordjawx spiża mhux mistennija ta’ €675 u aktar. Min-naħa l-oħra, 8.1 fil-mija sostnew li kienu b’lura fi ħasijiet ta’ kera u kontijiet, fost l-oħrajn.

Ironikament, din l-istatistika ħarġet eżatt fil-ġurnata li fiha l-Gvern prova jiftħar li naqqas il-faqar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ilu xhur sħaħ isostni li jekk Gvern Laburista mhux se jammetti li għandna problema ta’ faqar f’pajjiżna, allura l-problema żgur li mhux se tissolva. Adrian Delia qed jibqa’ jinsisti li kull individwu għandu dritt għal ħajja diċenti.