Futbol Sport

Fawl fil-kaxxa ta’ Florenzi lejn it-tmiem li seta’ ġie evitat jikkundanna lil Roma

(Ritratt: EPA)

PORTO……………………………….. 3

I. Casillas, E. Militao (M. Pereira 103’), Felipe, Pepe, A. Telles, Otavio (Hernani 94’), H. Herrera, D. Pereira, J. Corona (Y. Brahimi 69’), M. Marega, Tiquinho (F. Santos 78’)

ROMA………………………………… 1

R. Olsen, R. Karsdorp (A. Florenzi 55’), I. Marcano (B. Cristante 77’), K. Manolas, J. Jesus, A. Kolarov, D. De Rossi (L. Pellegrini 45’) (P. Shick 96’), S. Nzonzi, N. Zaniolo, D. Perotti, E. Dzeko

Imwissija: N. Zaniolo 15’, R. Karsdorp 55’, E. Dzeko 58’, L. Pellegrini 81’, A. Florenzi 116’ (R), H. Herrera 18’, D. Pereira 45’, Pepe 58’, A. Telles 118’ (P)

Skorjaw: Tiquinho 26’, M. Marega 52’, A. Telles 117’ (P), D. De Rossi 37’ pen (R)

Referee: Cuneyt Cakir (Turkija)

Penalty lejn tmiem it-tieni taqsima tal-ħin barrani poġġa lil Porto fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League b’rebħa f’darhom ta’ 3-1 fuq Roma biex għaddew b’aggregate ta’ 4-3. Roma offrew sfida denja iżda din l-eliminazzjoni tista’ tkun fatali għal kowċ Eusebio di Francesco li bi preparazzjoni għal din il-logħba kien hemm xnigħat dwar il-futur tiegħu.

Porto fetħu l-iskor fis-27 minuta meta Kostas Manolas tilef il-pussess tal-ballun, b’Moussa Marega jagħmel ġirja tajba biex irċieva l-ballun fuq ix-xellug u kkrossja lejn TIQUINHO li kompla l-ballun għal ġewwa. Roma rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs għaxar minuti wara meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Eder Militao fuq Diego Perotti. DANIELE DE ROSSI nkariga ruħu u qata’ lil Iker Casillas b’xutt fuq in-naħa xellugija tiegħu.

Porto fetħu t-tieni taqsima jfittxu l-gowl u fil-50 minuta resqu qrib bi kross ta’ Militao mil-lemin fil-kaxxa, bil-ballun jispiċċa għand Tiquinho li tar minn tulu iżda d-daqqa ta’ ras ħabtet mal-art u għaddiet fuq il-mimduda.

Il-Portugiżi marru minn fuq tliet minuti wara b’Jesus Corona jitfa’ kross fuq it-tieni lasta lejn l-iżmarkat MOUSSA MAREGA li mill-viċin għeleb lil Robin Olsen. Porto kellhom ukoll xi okkażjonjiet li setgħu għalqu l-logħba, iżda l-partita kompliet fil-ħin barrani, b’Roma li kienu qed jassorbu l-pressjoni tal-avversarji.

Ċans tad-deheb għal Roma fil-112-il minuta meta Edin Dzeko rċieva l-ballun f’pożizzjoni tajba, qabbeż fuq Casillas iżda kien Pepe li biegħed il-ballun qabel qabeż il-linja.

Ta’ dan iċ-ċans Roma pattew qares, hekk kif tliet minuti wara, Porto ngħataw penalty meta Alessandro Florenzi ġibed il-flokk ta’ Fernando Santos, deċiżjoni konfermata bil-VAR minn Cakir. Mill-11-il metru ALEX TELLES għeleb lil Olsen b’xutt fuq ix-xellug tiegħu. Fil-minuti li kien fadal, Roma appellaw għal penalty fuq Zaniolo iżda minkejja li ċċekkja b’mod silenzjuż mal-VAR, Cakir ma ordnax il-penalty.