Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank V Farrugia wissa’ lill-membri biex ikunu ppreparati għal Brexit.
Dan hekk kif iddikjara t-tħassib tiegħu li l-unika għażla li jidher li fadal għar-Renju Unit hi t-tluq tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Hu stqarr dan fid-diskors tal-ftuħ ta’ konferenza dwar Brexit imtella’ mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, l-MHRA u l-Malta Business Bureau.
Ir-Renju Unit fadallu biss 20 jum qabel id-data li fiha jrid iħalli l-Unjoni Ewropea, fid-29 ta’ dan ix-xahar.
Farrugia fakkar kif il-Kamra tal-Kumerċ mill-ewwel laqgħet għal din il-possibbiltà u ħadet din il-kwistjoni b’mod serju għar-riperkussjonijiet li tista’ tħalli anke fuq in-negozji lokali.
Fost dawn saret ħidma biex kumpaniji Ingliżi li jixtiequ jibqgħu joperaw fir-Renju unit, għallinqas jiftħu uffiċċju f’Malta u jgawdu mill-benefiċċji tas-sħubija mal-Unjoni Ewropea.
Ftehim f’dawn l-aħħar ftit jiem qed isir dejjem iktar diffiċli, bil-Ministru Franċiża għall-Ewropa, Nathalie Loiseau li fl-aħħar sigħat ħeġġet lir-Renju Unit biex jippreżenta proposti ġodda.
L-istess Ministru wissiet li l-inċertezza dwar Brexit qed tħalli effetti wkoll fuq il-pajjiżi ġirien.
Dan fl-istess waqt li l-Prim Ministru Theresa May qed tipprova tikseb l-appoġġ ta’ tliet gruppi ta’ Membri Parlamentari qabel titlob vot ġdid li jista’ jitressaq quddiem il-Parlament Ingliż fil-jiem li ġejjin għall-approvazzjoni ta’ ftehim rivedut mal-Unjoni Ewropea.
L-aħħar vot simili li ressqet May wassal mhux biss għal telfa storika b’distakk ta’ 230 vot imma wkoll qasma kbira fi ħdan il-partit tagħha.
//= $special ?>