Lokali Qorti

Il-Qorti tipposponi deċiżjoni dwar jekk Keith Schembri għandux iwieġeb fuq 17 Black

Reuters u Times kienu qalu li s-sid ta’ 17 Black hu wieħed mid-diretturi tal-Electrogas

Il-Maġistrat Francesco Depasquale ippospona deċiżjoni dwar jekk iċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri għandux iwieġeb domandi fuq il-kumpanija sigrieta 17 Black. Dan bħala parti minn każ ta’ libell li Schembri kien fetaħ kontra l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.

Jidher illi Keith Schembri jrid aktar żmien biex l-avukati tiegħu janalizzaw sottomissjonijiet li saru mill-avukati ta’ Simon Busuttil, fuq ir-raġuni għaliex hu għandu jitla’ jwieġeb il-mistoqsijiet dwar 17 Black.

Il-każ ġie pospost għax-xahar id-dieħel.

Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet fil-Parlament il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jwieġeb dwar il-konnessjoni tal-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-kumpanija 17 Black, li issa hi involuta fl-iskandlu ta’ korruzzjoni b’konnessjoni mal-power station il-ġdida li bena il-Gvern.

Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li fil-21 ta’ Novembru fil-Parlament għamel diversi mistoqsijiet dwar jekk hux se ssir stqarrija ministerjali dwar il-konnessjoni ta’ Keith Schembri ma’ 17 Black. Dan wara li fl-istess jum il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li l-inkjetsa li qed isir mhix dwar Keith Schembri iżda dwar 17 Black.

Ftit tal-jiem qabel – fid-9 ta’ Novembru – Reuters u Times kienu qalu li s-sid ta’ 17 Black hu wieħed mid-diretturi tal-Electrogas.