Lokali

L-Oppożizzjoni se tivvota favur in-nomina ta’ George Vella: “Għal darb’oħra qed inpoġġu l-interess nazzjonali l-ewwel” – Adrian Delia

“L-Oppożizzjoni qed tpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel. Joseph Muscat għażel il-gwadann politiku u webbes rasu flok ta sinjal illi verament jerġa’ jagħti kredibbilità lill-istituzzjonjiet. Minflok se nkunu aħna li nogħlew lil hinn mill-partiġġjaniżmu u nivvotaw favur in-nomina ta’ George Vella.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fil-Mosta.

Dr Delia qal li bid-deċiżjoni tiegħu Joseph Muscat għażel li jinjora għal kollox dak li qaltlu l-Kummissjoni Venezja, u fl-ewwel ċans li kellu, ma ddeċidiex li jħares l-interess nazzjonali u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet. Huwa qal li l-Oppożizzjoni qed tpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel, u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddeċieda li se jkun qed jivvota favur in-nomina ta’ George Vella bħala l-10 President tar-Repubblika.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jaħtar President mill-istess kamp politiku tal-Partit Laburista minflok mill-kamp oppost jew bi qbil taż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Dan sabiex iwassal messaġġ ta’ għaqda nazzjonali u rieda li jrid istituzzjonijiet li verament ikunu hemm biex iservu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien ippropona li l-President tar-Repubblika għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-voti tal-Kamra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja jiġu implimentati minnufih u jiġu konklużi mingħajr dewmien id-diskussjonijiet dwar ir-riforma fil-Kostituzzjoni sabiex isir it-tibdil neċessarju għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tagħna.