Sport

Napoli u Chelsea b’sieq ġewwa għal mal-aħħar tmienja

(Ritratt: EPA)

FUTBOL INTERNAZZJONALI – EWROPA LEAGUE

Napoli u Chelsea rebħu bi skor identiku ta’ 3-0 biex għandhom sieq waħda fis-semi-finali filwaqt li Arsenal, li lagħabu għal aktar minn taqsima b’għaxra minn nies tilfu 3-1, għand Rennes fi Franza, u jridu jkunu fil-forma biex idawwru r-riżultat fl-14 ta’ Marzu fit-tieni leg.

Valencia wkoll deheru resqin lejn riżultat tajjeb ta’ 2-0 iżda qalgħu gowl lejn l-aħħar biex issa l-partita hija miftuħa beraħ. Pedro Rodriguez fit-42 minuta, Willian minn free-kick mill-isbaħ fil-65 minuta u s-sostitut Callum Hudson-Odio issiġillaw ir-rebħa għal Chelsea.

Napoli sabu lil  Milik fl-10 minuta u lil Fabian fit-18-il minuta jagħtuhom żewġ gowls fuq xhiex iserrħu. Onguene fit-58 minuta għamel auto gowl għal Salzburg biex ta vantaġġ komdu lit-tim Naplitan, li malajr nesa’ t-telfa li ġarrab kontra Juventus fil-kampjonat.

Arsenal deheru li se jitilqu fid-direzzjoni t-tajba meta wara erba’ minuti Alex Iwobi fetaħ li skor imma fil-41 minuta tkeċċilhom Sokrates biex minuta wara skorja Bourigeaud. Biex tkompli tiġihom ħażina lil Arsenal, Monreal fis-65 minuta b’auto gowl u Sarr żewġ minuti mit-tmiem għamilhom 3-1.

Partita oħra tajba kienet bejn Eintracht Frankfurt u Inter li spiċċat fi draw ta’ 0-0. Inter fallew penalty meta Marcelo Brozovic raha lill-gowlkiper Ġermaniż isalva tajjeb. Madankollu it-tim ta’ Frankfurt attakka aktar u seta’ wkoll sab ix-xibka, li ma kienx għat-traskuraġni tal-attakkanti Ġermaniżi.

Sadanittan Benfica tilfu għand Zagreb b’penalty ta’ Petkovic fit-38 minuta, Sevilla rebbieħa ħames darbiet ta’ din il-kompetizzjoni ġew miżmuma draw f’darhom 2-2 kontra Slavia Praga, Villarerea rebħu 3-1 away għand Zenit, u Valencia rebħu 2-1 f’darhom kontra Krasnodar.