Lokali

“Nitfgħu l-balzmu” fuq il-pjagi tal-faqar u d-droga – Mons. Mario Grech

Mons. Mario Grech
Il-messaġġ tal-Isqof t'Għawdex fil-bidu tar-Randan

Ir-Randan huwa żmien ta’ konverżjoni – liema konverżjoni ma sseħħx bil-ħila tagħna jew bil-penitenzi li nagħmlu, imma hija grazzja li taslilna mis-Sema. Il-konverżjoni hija frott ta’ att ta’ mħabba li Ġesù Kristu jagħmel magħna midinbin.

Hekk stqarr Mons. Isqof Mario Grech fl-Omelija li saret nhar l-Erbgħa tat-Tniebri.

L-Isqof t’Għawdex qal illi llum aħna nistgħu npoġġu jdejna fuq il-pjagi ta’ Ġesù! Bħall-Appostlu San Tumas nixtiequ nqiegħdu subgħajna fil-pjagi ta’ Ġesù.

“Il-Papa Franġisku jgħidilna li l-pjagi ta’ Ġesù huma l-istess pjagi li hemm fil-ġisem tal-bniedem ta’ ħdejna – allura l-pjaga tal-faqar, tal-ġuħ, tal-vjolenza, tad-droga, tal-kalunnji, tal-mard… X’inhi l-attitudni tagħna quddiem il-feriti tal-proxxmu? Ma nistax ngħid li aħna indifferenti għal dawn il-weġgħat. Fil-fatt, xi drabi l-bniedem imut, jgħaddu s-snin u xorta jkun hawn min jieħu pjaċir jiftaħlu u jperriċlu l-pjagi tiegħu. Mhix attitudni Kristjana li aħna niftħu l-pjagi ta’ xulxin.”

“Minflok, aħna għandna nitfgħu l-balzmu fuq il-pjagi tal-proxxmu u ninfaxxawhom. Kif jgħallem il-Papa Franġisku, jeħtieġ li aħna mmissu l-pjagi mhux biss b’idejna imma b’qalbna billi nagħtuhom bewsa. Din hija l-karità li l-Knisja tistedinna nagħmlu fir-Randan.”

Mons. Grech fakkar li din is-sena d-Djoċesi t’Għawdex qed torbot ir-Randan mas-sena Marjana, fejn il-Knisja Għawdxija tfakkar l-400 sena tal-Kwadru Ta’ Pinu.