Mauricio Pochettino iddeskrieva s-sospensjoni tiegħu ta’ żewġ partiti bħala waħda xokkanti. Huwa ma qabilx lanqas mal-multa ta’ £10,000 li ġie kundannat iħallas mill-Football Association għal mod kif ġab ruħu fit-telfa ta’ 2-1 kontra Burnley ix-xahar li għadda.
Il-Maniġer ta’ Tottenham ikkonfonta lir-referee Mike Dean, wara l-partita u se jkollu jsegwi iż-żewġ partiti li jmiss, it-tnejn “away” kontra Southampton nhar is-Sibt, u Liverpool fil-31 ta’ Marzu mid- “directors’ boxes” ġewwa s-St Mary’s u Anfield. Madankollu Pochettino żvela d-diżappunt tiegħu fuq din is-sanzjoni, fejn huwa kien infurmat nhar it-Tlieta li għaddew, u għandu jiddeċiedi jekk hux se jappella jew le.
“Ninsab ftit ixxukkjat minħabba li nemmen li ma kienux ġusti miegħi,” huwa qal. “Iżda x’nista’ nagħmel issa?” Xejn. Għadna ma nafux eżatt ir-raġunijiet minħabba li l-ittra ta’ spjegazzjoni għadha lanqas biss waslet.
“Naf sew li ma kienitx l-ieda li nappella, dan minħabba li f’moħħi din ma kienitx xi ħaġa kbira. Verament ma kienx il-mod tajjeb kif wieħed jilmenta jew jitkellem mar-referee, iżda qatt ma stennejt din it-tip ta’ sitwazzjoni, u se nibqa’ ngħid li “mhux fair”.. Nixtieq inkun naf ir-raġunijiet sew, imbagħad naraw x’jiġri.”
Pochettino qal li l-piena, għall-ewwel offiża li qatt wettaq minn mindu wasal l-Ingilterra sitt snin ilu, ma tirriflettiex l-attitudni li huwa wera matul dan iż-żmien.
“Dan huwa s-seba’ staġun tiegħi fl-Ingilterra, u kulħadd jista’ janaliża kif ġibt ruħi matul dan iż-żmien, u dan sa mill-ewwel ġurnata. Jiena kowċ, maniġer u persuna li dejjem ridt ngħin lil Premier League u lil FA; xi ħadd li dejjem ipprova jifhem u juri serjeta’ u anke dejjem ippruvjat ngħin lir-referees fix-xogħol tagħhom. Ninsab imdejjaq u diżappuntat xi ftit,” qal il-maniġer ta’ Spurs.
//= $special ?>