Ambjent Lokali

“Sitwazzjoni li faċilment setgħat tiġi evvitata”

"Kien ilu magħruf li dan qiegħed isir, għaliex ittieħdu passi għax tkelmet NGO? Il-passi setgħu jittieħdu qabel u l-annimali ma kienux isofru tortura" - Mario Galea

Numru ta’ persuni li tkellmu magħna u kif ukoll fuq il-mezzi soċjali wrew it-tħassib tagħhom fuq “ix-xeni tal-waħx” li ħareġ li kien hemm f’razzett fil-Fgura.

Tkellimna mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tal-Annimali Mario Galea fejn sostna magħna li hu mhux l-ewwel darba li għamel mistoqsijiet Parlamentari fuq dan. Fost l-oħrajn l-aħħar waħda riċenti tkun fuq dan il-każ li seħħ fil-Fgura, u jekk hux se jittieħdu xi passi legali u x’passi qed jittieħdu biex ma jibqgħux isiru dawn l-affarjiet.

“Il-problema f’dan id-direttorat huwa n-nuqqas ta’ infurzar.”

Huwa qalilna li l-problema fuq dan huwa li hemm il-liġi li tħares id-drittijiet tal-annimali, iżda Mario Galea qalilna li x’sewwa jista’ jitwettaq jekk id-direttorat tal-Gvern, dak li suppost qed jagħmel jinfurzar mhux jagħmel dan biżejjed?

Mario Galea qal li l-PN qed jaħdem flimkien mal-Gvern u kif ukoll mal-awtoritajiet kollha konċernati biex l-annimali f’pajjiżna jiġu mħarsa, dan fi kwalunkwe ambjent. Dan jidher b’ħidma li saret fuq dan is-suġġett taħt Gvern Nazzjonalista u kif ukoll issa fl-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qalilna li hija ħasra li l-awtoritajiet ħadu l-passi meħtieġa għax tkelmet NGO meta fir-realtà kien ilu magħruf ta’ dak li qed jiġri f’dan ir-razzett.

Galea sostna magħna li din it-tortura tal-annimali mhux biss qed tagħmel danni fuq l-annimali, iżda wkoll qed titfa’ dell ikrah fuq ir-raħħala ġenwini li jieħdu ħsieb l-annimali tagħhom, u li investew flejjes kbar biex il-faċilitajiet tagħhom jkollhom l-aqwa teknoloġija.