Internazzjonali

Supporter ta’ Man United vittma ta’ attakk b’sikkina f’Pariġi

Supporter ta’ Manchester United spiċċa ttieħed l-isptar f’Pariġi wara li spiċċa vittma ta’ attakk b’sikkina f’sidru minn xufier tat-taxi. Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija wara l-konfront taċ-Champions League bejn Paris Saint Germain u Manchester United.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-vittma ta’ 44 sena kien sejjer lura fiċ-ċentru tal-belt flimkien ma’ tliet supporters oħra meta l-aggressur ħassu offiż hekk kif kienu qed ikantaw u jiċċelebraw wara  r-rebħa.

Allegatament kien hawnhekk li x-xufier ġibed mal-ġenb, ordnalhom sabiex jinżlu mill-vettura u hedded lil tfajla fil-grupp b’sikkina. Jidher li l-vittma prova jipproteġiha u kien hawnhekk li r-raġel spiċċa ferut.

Ġie rrapportat li x-xufier ħallihom hemm, bir-raġel mixħut fuq il-bankina jiġġieled għal ħajtu  – sakemm ma waqfitx karozza sabiex tagħtihom l-ewwel għajnuna.

Mill-aħħar informazzjoni l-Pulizija Franċiża arrestat lill-aggressur illum waranofsinhar madanakollu l-arma għadha ma nstabitx.