Lokali

AĠĠORNATA: Raid għad-droga; arrestati tliet irġiel u mara

Tliet irġiel u mara, li lkoll huma Maltin, ġew arrestati wara rejd mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga f’residenza li tinsab fi Triq Mountbatten, fil-Blata l-Bajda. Ir-residenza tinsab ftit passi bogħod mill-Iskola St Joseph.

Fuq il-post instabu diversi oġġetti relatati mal-abbuż u l-bejgħ tad-droga eroina u kokaina, kif ukoll allegatament l-individwi pruvaw jeqirdu l-evidenza billi jitfaw il-qratas tad-droga ġol-aċtu.

Kien għall-ħabta tas-19:30 li numru kbir ta’uffiċjali tal-Pulizija b’wiċċhom mgħammad u armati daħlu fir-residenza anke billi użaw entratura oħra fl-istess blokka. Malli kisbu aċċess għal ġewwa, bdew jinstemgħu sparaturi li eventwalment irriżultaw fi tfigħ ta’ gass bl-iskop li jkunu mrażżna dawk fuq ġewwa.

Kien f’dawn il-mumenti li bdew jinstemgħu ħsejjes ta’ tkissir u tifrik, inkluż ta’ ħġieġ, hekk kif il-Pulizija faqgħu xi bibien. Dan fl-istess waqt li fl-inħawi beda jinstema’ għajjat, inkluż: “Oħroġ!”

Fil-post kien hemm bżonn l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili li dehru deħlin fuq ġewwa permezz ta’ fire extinguisher kif ukoll b’extractor bl-iskop li jtaffu l-foga li kien hemm fuq ġewwa.

Uffiċjali dehru wkoll jużaw chainsaw biex kisbu aċċess għal xi kmamar, anke għaliex jidher li dawk arrestati qatt ma kien ikollhom kuntatt personali mal-klijenti tagħhom. Filfatt l-ewwel investigazzjonijiet juru li dawn kienu jgħaddu d-droga minn wara speċi ta’ counter, daqs li kieku kienu qegħdin f’xi ħanut. B’hekk huma kien jkunu mbarrati u moħbija mill-klijenti tagħhom.

Jirriżulta wkoll li anke fost ir-residenti kien hemm suspett li kien qed jiġri xi ħaġa li mhux normali hekk kif kienu dejjem jaraw in-nies deħlin u ħerġin mill-istess residenza f’kull ħin tal-ġurnata, inkluż fis-satra tal-lejl.

Filfatt mill-post uffiċjali tal-Pulizija dehru ħerġin b’diversi pakketti u basktijiet li allegatament kienu mimlija bid-droga lesta biex tiġi traffikata. Fuq il-persuni nstabu wkoll ammonti ta’ flus kontanti.

Minn informazzjoni li għandna, wieħed mill-arrestati hu suspettat li kien involut fit-traffikar tad-droga li kien għaddej fil-Marsa sa ftit ġimgħat ilu. Madankollu, dakinhar, hu ma nstabx fil-post iżda baqa’ jiġi segwit mill-Pulizija sakemm illum inżamm arrestat. Net News hu infurmat ukoll li dan mhux l-ewwel rejd li sar fl-aħħar snin fl-istess residenza.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr. M. Vella ġiet infurmata minnufih bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta maġisterjali.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u mhux eskluż li xi persuni jitressqu l-Qorti taħt arrest b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess tad-droga.

Ix-xena mill-post fejn seħħ ir-rejd