Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jiddiskuti s-Suċċessi tal-Mara fis-soċjetà tagħna

F’lukanda ewlenija fil-Qawra, dalgħodu sar Business Breakfast fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, organizzat mill-Partit Nazzjonalista bit-Tema “Mara Suċċess”.

Il-Business Breakfast infetaħ b’intervent minn Charlene Buttigieg Farrugia, il-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN), li nnutat kif mhux isir sforz biżżejjed biex ikunu ndirizzati l-isfidi li jiltaqgħu magħhom in-nisa, partikolarment biex ikun hawn ugwaljanza bejn is-sessi. In-nisa għandhom il-kapaċità, iżda għandhom bżonn l-opporunitajiet ugwali bħal kulħadd – xejn aktar u xejn anqas. L-MNPN iwiegħed li jkompli jaħdem biex il-membri ikunu ta’ servizz għall-mara fis-soċjetà, sostniet Charlene Buttigieg Farrugia.

Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU qalet li meta nitkellmu fuq in-nisa, illum sirna nitkellmu biss fuq kwoti u ċifri. Ma nistax nifhem kif nistgħu nħarsu lejn in-nisa b’dan il-mod biss. Spjegat kif fil-każ tagħha, pereżempju, dan ma jagħmilx sens għax kien propju Bord magħmul mill-irġiel li għażilha Kap Eżekuttiv. Min-naħa l-oħra, ammettiet li ġieli ħasset xi preġudizzji fil-konfront tiegħi, iżda mhux biss għax mara. Staqsiet jekk, meta wieħed iħares lejn l-isfidi li n-nisa jiltaqgħu magħhom, hux mifhum li l-kwoti jsolvu kollox. Tenniet li hemm aktar realtajiet li għandhom jiġu indirizzati minflok, filwaqt li appellat biex in-nisa jemmnu aktar fihom infushom minflok ma jinħbew fil-bżonnijiet ta’ kwoti jew ċifri. Hi kontradizzjoni li wieħed jappella għall-ugwaljanza, filwaqt li jitkellem dwar il-kwoti.

Miriam Sciberras, iċ-Chairperson tal-Life Network Foundation, qalet li l-mara għandha tasal fejn tasal fuq il-merti tagħha. Dan filwaqt li wieħed irid jirrikonoxxi r-realtajiet fejn għad hemm nisa li jiġu penalizzati f’ċerti ċirkostanzi. Għax filwaqt li aħna qed niċċelebraw Jum il-Mara, hemm min jinsab waħdu kontra l-problemi tal-ħajja. Hu għalhekk li fil-Life Network Foundation nippruvaw naraw li nsaħħu lill-mara fis-soċjetà. Hu għajb għalina jekk nikkalkulaw is-suċċess tal-mara biss fiċ-ċifri ta’ kemm nisa joħorġu jaħdmu għax wieħed għandu jirrikonoxxi wkoll il-ħidma li l-mara tagħmel fis-soċjetà u mhux biss fid-dinja tax-xogħol.

Albert Bell, Soċjologu fl-Università ta’ Malta, qal li filwaqt li ftit tas-snin ilu konna nitkellmu biss dwar żgħażagħ irġiel, illum qed naraw kif anke t-tfajliet jistgħu jkunu parti minn sub-kulturi. Fis-snin li għaddew, pajjiżna kellu dejjem il-viżjoni biex il-mara tkun inkluża aktar fis-soċjetà Maltija u dan wassal biex illum imxejna ħafna ‘l quddiem, mingħajr ma wieħed jinsa sfidi li xorta jibqgħu joħorġu minn żmien għall-ieħor. Hu rrikonoxxa l-impenn tal-Partit Nazzjonalista, li b’attivitajiet bħal din u bil-proposti li joħroġ, iżomm dawn l-isfidi quddiem għajnejh. Hu temm billi kkwota lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, f’appella biex is-soċjetà jimpurtaha, anke bis-saħħa tad-djalogu.

Charlene Mercieca, Intraprenditriċi, qalet li meta kienet esperjenzat problemi fiżiċi, dawwret l-isfida f’opportunità sakemm eventwalment ħolqot in-negozju tagħha. Spjegat li b’dak il-mod, ħadet ir-riedni ta’ ħajjitha f’idejha għax ma riditx tibqa’ tħares lejha nifisha bħala vittma, iżda tagħmel xi ħaġa utli għaliha u għal dawk li għaddejjin mill-istess sfidi. Hi semmiet għadd ta’ ostakli li għaddiet minnhom fl-aħħar snin, iżda appellat biex bħalha, ma naqtgħux qalbna mill-isfidi kollha li niltaqgħu magħhom.

Fost l-interventi mis-sala, tkellem David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, li nnota kif għalkemm qed jigradwaw aktar nisa milli rġiel, mhux xieraq li fid-dinja tax-xogħol tispiċċa ssib aktar irġiel milli nisa. Hu fakkar fid-direttiva li mexxa hu fil-Parlament Ewropew biex il-missier ikollu l-opportunitajiet u d-drittijiet ħalli l-mara ma tibqax bil-fors marbuta li tieħu ħsib lill-ulied ġodda.

Min-naħa tagħha, id-Deputat Claudette Buttigieg qalet li, għalkemm tajjeb li ma nħarsux biss lejn il-kwoti, wieħed irid jirrikonoxxi l-problemi li l-mara tiltaqa’ magħhom. Għaldaqstant, id-dibattitu għandu jkun “x’se nagħmlu”, fost l-oħrajn billi nifhmu u jekk hemm bżonn nikkupjaw dak li għamlu pajjiżi oħrajn. Temmet billi qalet li għalkemm hu sabiħ li niċċelebraw dan il-Jum, għandna wkoll nirrikonoxxu li għad fadal triq twil ‘il fejn immorru.

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola awgurat li xi darba għad naslu li ma jkollniex għalfejn niċċelebraw Jum il-Mara għax inkunu lħaqna l-miri għall-isfidi li qed nitkellmu dwarhom. Spjegat li filwaqt li hu sabiħ li aktar studenti nisa jiggradwaw ta’ kull sena minn studenti rġiel, min-naħa l-oħra naraw rata li għadha kira ta’ studenti nisa li ma jkomplu bl-istudji tagħhom. Hi appellat biex minflok ma nitkellmu dwar proposti sempliċiment biex ikollna n-nisa, naraw kif verament jingħataw l-opportunità jiżviluppaw it-talenti tagħhom.

Id-Deputat Maria Fatima Deguara qalet li għandna nirrikonoxxu li l-mara għandha l-kwalitajiet daqs ir-raġel u għalhekk, m’hemmx raġuni għalfejn għandna nibbażaw fuq il-kwoti. Madankollu, wieħed irid jirrikonoxxi li minbarra fid-dinja tax-xogħol, il-mara għandha xogħol ieħor x’tagħmel. Hi appellat li jiżdiedu s-servizzi ħalli n-nisa jkollhom iċ-ċans jirnexxu f’ħajjithom.

Id-Deputat u President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalita Kristy Debono qalet li għandna naraw li jkun hemm commitment ħalli l-mara tilħaq il-miri li jistħoqilha. Hi appellat li b’din l-attività, joħroġ il-frott meħtieġ, b’tali mod li l-mara tkompli miexja ‘l quddiem.