Claudio Ranieri nħatar suċċessur ta’ Eusebio di Francesco bħala kowċ ta’ Roma. Għal Ranieri li għandu 67 sena, din se tkun it-tieni esperjenza mal-klabb wara li kien mexxa lit-tim tal-kapitali Taljana bejn l-2009 u l-2011 fejn kien resaq qrib ir-rebħ tal-kampjonat. Di Francesco tkeċċa mill-kariga wara l-eliminazzjoni ta’ Roma miċ-Champions League.
“Ninsab kuntent li rritornajt fid-dar tiegħi. Meta rċevejt it-telefonata mingħand Roma kien impossibbli li ngħid le.” Għalissa, Ranieri se jkun qiegħed imexxi lil Roma biss sa tmiem l-istaġun.
Il-veteran Taljan tkeċċa minn manager ta’ Fulham ftit tal-jiem ilu u fit-tmexxija ta’ Roma se jkollu l-għan li jwassal lit-tim għall-kwalifikazzjoni fil-UEFA Champions League staġun ieħor. Hu se jagħmel ir-ritorn uffiċjali nhar it-Tnejn fil-logħba li Roma għandhom f’darhom kontra Empoli.
Intant wara r-riżenja ta’ di Francesco, irriżenja wkoll id-Direttur Sportiv Monchi. Hu kien ingħaqad ma’ Roma minn April tal-2017 fejn kien responsabbli mit-trasferimenti tat-tim, b’Roma jagħmlu qligħ ta’ madwar €80 miljun.
//= $special ?>