Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jistieden lill-ġurnalista Torka Ünker f’Malta

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa stieden lill-ġurnalista Torka Pelin Ünker għal żjara f’Malta biex tiltaqa’ mal-attivisti tas-soċjetà ċivili kif ukoll ġurnalisti oħra. Bħalissa, Pelin Ünker qed tistenna d-deċiżjoni tal-appell wara li Qorti fit-Turkija bagħtitha l-ħabs għal 13-il xahar wara li rrapportat fatti dwar il-Paradise Papers. Ix-xahar li għadda, l-MEP Casa ltaqa’ ma’ Ünker f’Istanbul u wegħda l-appoġġ tal-Parlament Ewropew.

Waqt li kien qed jikkummenta wara li stieden lil Ünker f’Malta, l-MEP Casa qal: “Wara li ltqajt ma’ Pelin Ünker fit-Turkija, komplejt nifhem kemm jiġu ppersegwitati l-ġurnalisti biex jagħmlu xogħolhom. F’Malta, Daphne Caruana Galizia nqatlet għax għamlet xogħolha. Fit-Turkija, Pelin Ünker qed tirriskja li tmur il-ħabs għax għamlet xogħolha. Dan mhux sew, u jien se nkompli naħdem fil-Parlament Ewropew biex nassigura li l-istituzzjonijiet tal-UE jipproteġu lill-ġurnalisti mhux biss fl-UE, iżda anke lil hinn.”

Il-programm finali taż-żjara ta’ Ünker f’Malta qed jiġi finalizzat, għaliex qed tistenna li tinħarġilha l-viża mill-awtoritajiet Maltin. Is-Sibt 16 ta’ Marzu, għandha tattendi attività organizzata mill-MEP David Casa, kif ukoll il-vġili ta’ Daphne Caruana Galizia aktar tard fl-istess ġurnata.