Futbol Sport

Gowl tal-eks Jake Grech jevita telfa għal Hibernians

(Ritratt: Domenic Aquilina)

ĦAMRUN SPARTANS…………….. 1   HIBERNIANS………….. 1

Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, O. Nikolopoulos, E. Pepe, A. Scicluna (M. Gauci 60’), T. Caruana, M. Criaco, C. Calil, K. Tulimieri, W. Domoraud, C. Henneberg (R. Darmanin 69’)

Hibernians: M. Jovicic, M. Dias (M. Sahanek 63’), M. Barbosa (C. Zammit 87’), A. Agius, N. Radojevic, B. Kristensen, D. Vella, J. Grech, J. Mbong, T. Fonseca, T. Marcolino

Imwissija: K. Micallef 71’ (Ħ), N. Radojevic 71’, T. Marcolino 80’, J. Grech 94’ (H)

Skorjaw: K. Tulimieri 34’ (Ħ), J. Grech 93’ (H)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Roberto Vella

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Enrico Pepe (Ħamrun Spartans)

Attendenza: 760

Gowl fl-aħħar sekondi tal-eks plejer Jake Grech ta punt mistħoqq lil Hibernians li b’hekk se jżommu l-quċċata għal ġimgħa oħra iżda jistgħu jintlaħqu minn Valletta jekk jirbħu llum. Minkejja li ma kellhomx prestazzjoni mill-aqwa, Hibernians kellhom ħafna mil-logħba speċjalment fit-tieni taqsima, iżda naqsu li jkunu perikolużi biżżejjed.

Ħamrun bħas-soltu kienu tattikament dixxiplinati iżda fit-tieni taqsima naqsu li joħolqu okkażjonijiet li setgħu jirduppjaw, għalkemm ikkontrollaw mingħajr ballun għal kważi t-tieni 45 minuta kollha.

Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel azzjoni denja wara 17-il minuta bi kross ta’ Nemanja Radojevic lejn Tiago Fonseca li niżżel lejn Jake Grech iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien blokkat f’korner. Risposta Ħamruniża minuta wara b’daqqa ta’ ras ta’ Carlos Henneberg tkun imdawra f’korner minn Marko Jovicic wara free-kick ta’ Triston Caruana.

Azzjoni tajba ta’ Ħamrun fis-27 minuta bi kross mil-lemin ta’ Wilfried Domoraud lejn Caetano Calil iżda x-xutt mill-ewwel tiegħu għadda għoli. Hibernians wieġbu erba’ minuta wara bi free-kick ta’ Radojevic li kien imdawwar f’korner minn Manuel Bartolo.

Ħamrun marru fil-vantaġġ fil-35 minuta. Kien free-kick mil-lemin ta’ Triston Caruana fuq l-ewwel lasta, daħal tajjeb KEVIN TULIMIERI li żmarkat għeleb lil Jovicic b’daqqa ta’ ras fuq l-ewwel lasta. Ir-reazzjoni ta’ Hibernians sa tmiem l-ewwel taqsima waslet b’xutt fil-baxx ta’ Dunstan Vella li kien imxellef u spiċċa barra.

It-tim ta’ Sanderra żied l-isforzi tiegħu fit-tieni taqsima iżda l-gowlkiper Ħamruniż Bartolo spikka b’żewġ interventi fl-ewwel kwarta. Fit-53 minuta dawwar f’korner free-kick perikoluż ta’ Andrei Agius biex tliet minuti wara blokka f’korner fil-ħin wara li Jake Grech irċieva l-ballun f’pożizzjoni perikoluża.

Hibernians żammew il-pussess tul il-kumplament tal-logħba iżda għajr konklużjonijiet minn barra l-kaxxa li għaddew għoli, Manuel Bartolo ftit kellu x’jagħmel. Il-gowlkiper Ħamruniż iżda għamel kważi miraklu fid-89 minuta meta salva mill-aqwa xutt fil-baxx ta’ Tiago Fonseca wara azzjoni maħduma tajba.

Hibernians ġabu d-draw pjuttost meritat fit-93 minuta meta d-difiża Ħamruniża naqset li tbiegħed il-periklu u kien Fonseca li għadda lejn JAKE GRECH li b’xutt fil-baxx irnexxielu jgħaddi l-ballun wara Bartolo, fost il-ferħ kbir ta’ Grech kontra l-eks tim tiegħu.

Il-Pawlisti għafsu għall-gowl tar-rebħa fl-aħħar sekonda u kien is-sostitut Marco Sahanek li prova b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li kien salvat parzjalment minn Manuel Bartolo.