Lokali

“Ħafna mhux ilaħħqu mal-piż tal-kirjiet” – il-Kamra tal-Kummerċ

Ħafna ħaddiema mhux ilaħħqu mal-piż tal-kirjiet, u dan qed jispikka l-aktar fost il-ħaddiema barranin li avolja għandhom pagi tajbin qed jipiċċaw f’sitwazzjonijiet li jkollhom iħallu l-pajjiż għax id-dħul tagħhom mhux iservi.

Dwar dan tkellmet il-Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb meta l-Ħamis kienet intervistata f’Net Live minn Amy Borg.

Waqt din l-intervista hi spjegat għaliex il-Kamra tal-Kummerċ hi imħassba dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-kiri f’Malta.

Ftit tal-jiem ilu, il-Kamra tal-Kummerċ għamlet referenza għall-effetti li qed tħalli l-mossa tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni. U tinsisti fost l-oħrajn li qed isir bini bla rażan – bini li jaf jibqa’ vojt la darba pajjiżna jaffaċja ċiklu ekonomiku negattiv.

Il-Kamra tal-Kummerċ użat kliem iebes ferm fil-konfront tal-famuża White Paper li tant ftaħar biha l-Gvern, u tinsisti li din ma toffri l-ebda soluzzjoni fit-tul għall-problema tal-kirjiet.