Fuq stedina tal-Kunsill Lokali f’Ta’ Kerċem u l-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia żar din il-lokalità, b’popolazzjoni ta’ 1,700 persuna.
Matul iż-żjara, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnota t-tħassib tal-Kunsill Lokali, immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Mario Azzopardi, dwar l-ammont eżaġerat ta’ trakkijiet li jgħaddu mill-qalba ta’ Kerċem u Santa Luċija minħabba għadd ta’ kumplessi fil-konfini tal-lokalità.
Għal dan il-għan, il-Kunsill qed jappella għal toroq alternattivi, bil-Gvern s’issa għadu qed ikaxkar saqajh milli jibda l-proġett. Dan għad-detriment tar-residenti tal-lokalità, li tinkludi fiha l-akbar medda ta’ art mil-lokalitajiet Għawdxin kollha.
Iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’Ta’ Kerċem saret ukoll fil-kuntest tal-impenn li Adrian Delia jrid imexxi lill-Partit Nazzjonalista fih. Kif spjega f’laqgħa poltika li ffurmat parti mill-Kunsill Ġenerali tax-xahar li għadda, Għawdex kien u jibqa’ f’qalb il-Partit Nazzjonalista.
Dan jidher fiċ-ċar mill-għadd ta’ proġetti li saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti, wieħed wara l-ieħor, li biddlu għall-aħjar wiċċ il-Gżira tat-Tliet Għoljiet. Adrian Delia tenna l-impenn li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jkompli jara li dan l-iżvilupp jitjieb b’risq l-Għawdxin kollha.
F’Ta’ Kerċem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat ukoll mill-Kordinatur tal-Kunsill Lokali Charles Bonello.
//= $special ?>