Lokali

In-nisa Maltin u Għawdxin għandhom ikunu parti integrali mis-soċjetà f’kull livell

Konferenza bit-tema 'Mara Suċċess' organizzata mill-Partit Nazzjonalista

“Aħna nemmnu li l-mara trid tkun parti integrali tas-soċjetà f’kull livell mhux biss għax għandha dritt imma wkoll għax is-soċjetà tagħna għandha bżonn aktar nisa.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-business breakfast Mara Suċċess li kien organizzat mill-Partit Nazzjonalista bis-sehem tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN).

Adrian Delia qal li hawn bżonn parteċipazzjoni akbar tal-mara fil-politika. Huwa qal li wieħed irid jara eżatt x’qed iżomm lin-nisa lura milli jilħqu l-miri tagħhom fix-xogħol u l-ħajja. Dan sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li n-nisa qegħdin isibu biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod sħiħ fis-soċjetà, li għandha bżonn aktar nisa f’pożizzjonijet fejn jieħdu d-deċiżjonijiet.

Huwa qal li jeħtieġ li jinstabu l-aħjar modi u jittieħdu l-aħjar miżuri biex jitneħħa kull xkiel sabiex il-mara tipparteċipa fil-politika u f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

Adrian Delia qal li Gvernijiet Nazzjonalisti ħadmu fuq bosta inizjattivi sabiex il-mara verament tavvanza fis-socjetà, l-aktar fl-edukazzjoni u x-xogħol. Dan billi nfetaħ il-bieb tal-edukazzjoni biex aktar nisa javvanzaw akkademikament u jirnexxu fil-professjoni tagħhom.

Huwa qal li l-PN fehem li kien hemm bżonn sforz sabiex il-mara tipparteċipa b’iżjed saħħa fid-dinja tax-xogħol, u għalhekk iddaħħlu fis-seħħ miżuri importanti fosthom miżuri family friendly, inċentivi, sigħat flessibbli għax-xogħol mid-dar, work-life balance u ħafna aktar. Dr Delia qal li l-PN jemmen li l-mara għandha kull dritt li tikkontribwixxi għaliha nnifisha, għall-familja u s-soċjetà kollha bix-xogħol, it-talenti u l-ħidma tagħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament matul l-aħħar snin, il-mara Maltija sofriet waqgħat qawwija fl-ugwaljanza tal-mara, u dan deher biċ-ċar f’riżultati negattivi f’rapporti Ewropej u internazzjonali, fejn il-mara marret għall-agħar fl-aħħar snin. Adrian Delia qal li jaqbel lis-soċjetà kollha tagħna li s-sehem tan-nisa jkun kbir u li jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li s-soċjetà trid tneħħi l-barrieri li qed iżommu milli verament ikun hawn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Il-business breakfast Mara Suċċess ġie ndirizzat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-GRTU Abigail Mamo, miċ-Chairperson tal-Life Network Foundation Dr Miriam Sciberras, s-Soċjologu Albert Bell, l-intraprenditriċi Charlene Mercieca u l-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) Charlene Buttigieg Farrugia.