Futbol Sport

Iż-żagħżugħ Kean jispikka f’rebħa ta’ rutina għal Juventus

(Ritratt: EPA)

Juventus ippreparaw għall-konfront importanti kontra Atletico Madrid fiċ-Champions League fost il-ġimgħa d-dieħla b’rebħa ta’ rutina kontra Udinese 4-1. Għaċ-champions Taljani spikka ż-żagħżugħ Moise Kean li skorja doppjetta u rebaħ penalty.

It-tim ta’ Allegri fetaħ l-iskor wara 11-il minuta meta Alex Sandro kkrossja mix-xellug lejn MOISE KEAN li daħal tajjeb biex għeleb lil Juan Musso. L-istess MOISE KEAN irdoppja l-iskor fid-39 minuta meta ħa vantaġġ minn żball fid-difiża avversarja, avvanza u daħal fil-kaxxa biex skorja b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel last.

Il-Bianconeri skorjaw it-tielet gowl fis-67 minuta meta Moise Kean twaqqa’ fil-kaxxa minn Nicholas Mpoku, bil-Ġermaniż EMRE CAN ma jiżbaljax mill-penalty. L-iskor kompla jikber erba’ minuti wara b’daqqa ta’ ras preċiża ta’ BLASE MATUIDI wara kross mil-lemin. Udinese skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fl-84 minuta b’xutt djagonali fil-baxx ta’ KEVIN LASAGNA.