Ambjent Lokali

“Jeħtieġ pjan għall-qasam tal-ambjent” – Vince Attard, Nature Trust Malta

Il-President ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard, waqt intervista fil-Programm Net Live ma’ Robert Cremona u Amy Borg, tkellem dwar l-importanza biex kemm jista’ jkun malajr f’pajjiżna jkollna strateġija serja għall-ambjent:

Vince Attard qal li wasal iż-żmien li ssir strateġija li tippjana fit-tul. Hu qal li sfortunatament f’Malta jsiru strateġiji wisq fil-qosor u nispiċċaw dejjem naraw kif se nsolvu l-problemi li niffaċċjaw. Hu qal i din hi xi ħaġa li ddiskutew ukoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Iżda minkejja dan, il-Prim Ministru Muscat jibqa’ jinsisti li m’għandniex nippjanaw għall-futur, kif stqarr propju ftit tal-jiem ilu waqt il-Laqgħa Annwali Generali tal-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin. Waqt diskors li għamel dakinhar hu qal li ma jemminx fi ppjanar għal għoxrin sena mil-lum.

B’kuntrast, Vince Attard saħaq dwar l-importanza li l-politiċi jindirizzaw dan il-bżonn ta’ pjan għal pajjiżna. Hu qal li hemm bżonn ta’ strateġiji anke dwar l-iskart, it-trasport u t-traffiku u li jekk irridu naraw ekonomija li tkompli tikber irridu nkunu kapaċi nippjanaw.

Din kienet l-aħħar minn sensiela ta’ kritika li qed issir lill-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-ambjent. Gvern li falla għax m’għandux pjan lanqas dwar dan is-settur minkejja l-ħafna wegħdiet sbieħ li kien għamel.

Ikkummenta