“Il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’ li se tkun organizzata nhar il-Ħadd li ġej għandha importanza kbira għall-Partit li jrid ikompli jsaħħaħ lilu nnifsu fuq diversi aspetti biex hekk mhux biss ikun f’pożizzoni aħjar li jagħmel il-kampanja għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, iżda wkoll biex ikompli jagħmel l-investimenti meħtieġa fi ħdanu fid-dawl tal-Elezzjoni Ġenerali li trid issir fl-2022.”
Din kienet id-dikjarazzjoni ta’ Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, meta lbieraħ tkellem ma’ In-Nazzjon dwar l-aħħar preparamenti invista tal-maratona ‘Flimkien għal Pajjiżna’ li se ssir nhar il-Ħadd minn ġewwa d-Dar Ċentrali.
Hu qal li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista għaddejja bla waqfien u għandha bħala l-objettiv ewlieni tagħha l-immodernizzar tal-istrutturi tal-Partit kif ukoll l-aġġornamenti tal-mekkaniżmu intern tiegħu u dan mhux biss biex il-Partit ikun f’pożizzjoni dejjem aħjar għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, iżda biex sussegwentement ikun fl-aqwa pożizzjoni possibbli invista tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2022.
Clyde Puli qal li kuntrarjament għall-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista ma għandux id-dħul kbir ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro li għandu l-Partit Laburista, fosthom grazzi għall-bejgħ tal-Australia Hall, il-kiri tal-Raffles u l-mod kif ħataf għadd ta’ binjiet u għamilhom każini tiegħu.
Hu għalhekk li minn żmien għal żmien idur fuq il-partitarji tiegħu biex jistedienhom jikkontribwixxu mill-aħjar li jistgħu b’risq il-ħidma li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista. Din hi ħidma fuq kull front u li ma taqta’ xejn u li qed tagħti r-riżultati.
Ftit tal-jiem ilu biss kien organizzat b’suċċess il-Kunsill Ġenerali Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista u n-nies qed ikomplu jifhmu li din it-Tmexxija l-ġdida tal-Partit għandha enerġija kbira biex tissokta taħdem bla waqfien biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir il-Partit naturali li jmexxi lil pajjiżna fejn għandna ħafna nies li qed ibatu l-inġustizzji jew li huma emarġinati flimkien mal-fatt li għandna ħafna nies li huma mdejqa bil-mod korrott li bih qed jitmexxa l-pajjiż.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jagħmel dawn il-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi biex hekk ikompli jissaħħaħ u jkun tassew il-Partit li jassigura li fil-pajjiż ikun hawn tmexxija li jkun jimportaha minn kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jissaħħaħ għaliex jaf li fil-pajjiż hawn ħafna Maltin u Għawdxin li qed ibatu, fosthom għaliex ma jistgħux iħallsu l-kirjiet, dawk li ma humiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, l-anzjani, iż-żgħażagħ li ma jistgħux jinvestu f’dar deċenti għalihom u tant oħrajn flimkien ma’ dawk li huma bil-qawwa kontra l-korruzzjoni.
Mistoqsi dwar l-importanza tal-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn l-elezzjonijiet huma importanti u għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed iwassal il-messaġġ qawwi li: DON’T VOTE – GET LABOUR; STAY AT HOME – GET LABOUR.
Hu qal li fil-25 ta’ Mejju li ġej il-poplu Malti u Għawdxi għandu l-opportunità li joħroġ jivvota u jivvota favur il-batut u l-vulnerabbli u bil-qawwa kontra l-korruzzjoni. “Hu biss permezz tal-vot tiegħek li tista’ tagħmel differenza fil-pajjiż li għandu jibda jagħti attenzjoni għall-bżonnijiet tal-vulnerabbli u messaġġ ċar kontra l-korruzzjoni u min jippermettiha.
“Min jaħseb li jista’ ma jivvutax jew li jibqa’ d-dar u jinjora l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, allura jkun qed jagħti l-vot tiegħu lil-Labour biex fil-Gvern jagħmel li jrid fis-sens li jkompli jwarrab lill-batut u f’pajjiżna tkompli ssaltan il-korruzzjoni,”
enfasizza b’mod qawwi Clyde Puli.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista temm li permezz tal-maratona ġbir ta’ fondi tal-Ħadd li ġej, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jibni l-pedamenti tiegħu fis-sod għall-preżent u għall-ħidma kbira li trid tkompli ssir fis-snin li ġejjin sa ma tasal l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022.
Hu għalhekk li din il-maratona – l-ewwel waħda għal din is-sena wara s-suċċess kbir miksub is-sena l-oħra meta l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jiġbor is-somma rekord ta’ €1.5 miljun – trid twassal biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ il-bażi finanzjarja tiegħu,ikompli bl-organizzazzjoni b’saħħitha grazzi għar-ristrutturar meħtieġ, u fih innifsu tgħin ukoll biex ikollna Partit imġedded li jkun jirrifletti ż-żminijiet ta’ llum.
//= $special ?>