Lokali

Seminar dwar is-sengħa tal-presepji organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta

Minkejja li għadna kif bdejna iż-żmien tar-Randan, f’dawn il-ġranet fil-Mosta qed jiġi organizzat Seminar Presepistiku, seminar dwar is-sengħa tal-presepji, immexxi mill-presepista magħruf Taljan Francesco Farano.

Dan is-seminar qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta fis-sala tal-istess Kunsill f’ambjent tal-Milied….u jiġi fi tmienu nhar il-Ħadd li ġej.

Għal dan is-seminar, qed jattendi l-aqwa talent lokali minn diversi irħula u ibliet f’pajjiżna b’ħafna minnhom jkunu ukoll qed jippreżentaw wirjiet ta’ livell għoli matul l-ġranet tal-Milied.

Fi kliem is-Sindku tal-Mosta Keith Cassar, dan is-seminar jixhed l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Mosta mmexxi minn maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista, favur il-kultura u it-tradizzjonijiet lokali. Huwa tenna wkoll li dan huwa mezz ta’ kif nuru l-apprezzament tagħna lill-artisti li l-maġġoranza tagħhom jaħdmu fis-skiet tad-djar tagħhom.

Il-presepista u artista li qed imexxi dan is-seminar, Francesco Farano jistqarr li l-presepju mhux passatemp, lanqas passjoni, iżda huwa stil ta’ hajja.

Preżenti għall-ftuħ ta’ dan is-seminar kien hemm is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u l-ko-ordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Charles Bonello.