Lokali

Tkabbir li mhux jasal għand kulħadd

Ħafna ċifri sbieħ, iżda biċ-ċifri ma jiekol ħadd.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sejjaħ konferenza għall-ġurnalisti biex jitkellem dwar it-takbbir fil-GDP tal-pajjiż, iżda dan it-tkabbir mhux qed ikun rifless f’titjib tal-kwalità tal-ħajja, kif jidher ċar minn data maħruġa mill-NSO din il-ġimngħa stess. Ir- rapport jgħid li 40,000 ruħ f’pajjiiżna ma jaslux sal-aħħar tax-xahar bil-paga u li terz tal-popolazzjoni ma jaffordjawx jiehdu ġimgħa vaganza darba fis-sena.

Tkellimna mal-Ministru Edward Scicuna dwar il-kritika li rċieva l-Gvern fl-aħħar ġimgħatejn, fosthom mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Counrty Report, mill-Fond Monetarju Dinji, mid-diversi unions fosthom il-UĦM Voice of the Workers, kif ukoll direttament mis-settur bankarju permezz ta’ stqarrijiet iebsa mis-ĊEO tal-HSBC f’ Malta u s-CEO tal-FimBank John C Grech.

Staqsejna lill-Ministru jekk għadux jaħseb li l-Panama hija history, iżda filwaqt li f’nifs wieħed reġa prova jiċħad dan, fl-istess waqt ammetta li r-rabta bejn politiċi Maltin u strutturi illeċiti fil-Panama jeżistu realment.

Staqsejna wkoll lil Edward Scicluna fuq il-kritika li saret mill-Fond Monetarju Dinji dwar il-fatt li l-Prim Ministru jagħżel hu l-persuni li jiġu impjeagti mal-MFSA – sitwazzjoni li tqanqal dubju dwar l-awtonomija ta’ awtorità daqstant importanti.

Edward Scicluna wieġeb billi qal li hu qatt ma ndaħal fl-impjiegi ta’ dawn l-awtoritajiet.

Iżda meta ppressajnih dwar il-fatt li l-Prim Ministru qed jagħżel HU lil min ipoġġi f’awtoritajiet finanzjarji, Scicluna wieġeb sempliċiment li hu ma jistax iwieġeb għal ħaddieħor.