Futbol Sport

Arsenal jippruvaw iwaqqfu l-perjodu pożittiv ta’ Man United

(Ritratt: Premier League)

Il-kwalifikazzjoni ftit mistennija għall-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League kompliet tgħolli l-moral ta’ Manchester United. It-tmexxija temporanja sa issa ta’ Ole Gunnar Solskjaer ħalliet aktar mill-effett mixtieq u rebħa kontra Arsenal tkompli tafferma l-pożizzjoni tiegħu biex jirbaħ il-kuntratt permanenti.

Bħalissa r-Red Devils jinsabu punt fuq Arsenal fil-klassifika u tliet punti f’konfront dirett, tkompli tressaqhom lejn post fiċ-Champions League, issa li l-kampjonat daħal fl-aħħar fażi. Arsenal ġejjin minn telfa ta’ 3-1 fl-Europa League iżda fil-kampjonat kisbu 10 punti fl-aħħar erba’ logħbiet, bid-draw fl-aħħar logħba kontra Tottenham jasal wara li Pierre-Emerick Aubameyang falla penalty lejn it-tmiem.

Jidher li fl-aħħar logħbiet, il-Gunners  qed jadattaw għas-sistema tal-manager Unai Emery. Arsenal se jippruvaw ikomplu l-perjodu pożittiv quddiem il-pubbliku tagħhom hekk kif kisbu 38 mis-57 punt fl-Emirates Stadium. Iżda l-manager temporanju ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer rebaħ il-logħbiet kollha barra minn Old Trafford kemm ilu li ħa t-tmexxija tat-tim.

Id-dwell għar-rebħ tal-Premier League ikompli bejn illum u għada b’Manchester City u Liverpool jilagħbu f’darhom f’konfronti favorevoli. Il-pressjoni bħalissa tinsab ftit aktar fuq Liverpool li ġejjin minn perjodu mhux faċli. It-tim ta’ Jurgen Klopp ġej minn erba’ draws fl-aħħar sitt logħbiet kif ukoll draw kontra Bayern Munich fiċ-Champions League.

Fatt pożittiv għalihom hu li f’dawn is-seba’ logħbiet, id-difiża sofriet biss żewġ gowls iżda l-attakk nixef mill-gowls u għajr ir-rebħa ta’ 5-0 fuq Watford, fis-sitt logħbiet l-oħra skorjaw biss ħames gowls. L-avversarji ta’ Liverpool huma Burnley, tim li kien ġej minn perjodu pożittiv fejn inqala’ miż-żona tar-relegazzjoni iżda huma ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Newcastle u Crystal Palace.

Manchester City rebħu l-aħħar ħames logħbiet fil-Premier League u bħal Liverpool qed ikollhom difiża solida fejn sofrew biss gowl filwaqt li rebħu kontra Arsenal, Everton u Chelsea. Għalkemm fil-preżent, il-pressjoni tinsab aktar fuq Liverpool, Manchester City ukoll għandhom il-pressjoni tagħhom hekk kif f’mument fejn dehru li kważi tilfu l-kampjonat, issa telgħu fil-quċċata u jridu jżommu posthom.

Fuq il-karta, Watford huma avversarju aktar iebes minn Burnley u preżentament qegħdin fit-tmien post. Il-forma tagħhom hi wkoll aħjar hekk kif fl-aħħar ħames logħbiet kisbu tliet rebħiet, draw u telfa iżda dik it-telfa ġiet barra minn darhom ta’ 5-0 kontra Liverpool.

Premier League

Illum: C. Palace v Brighton 1.30pm, Cardiff v West Ham 4.00pm, Huddersfield v Bournemouth 4.00pm, Leicester v Fulham 4.00pm. Newcastle v Everton 4.00pm, Southampton v Tottenham 4.00pm, Manchester City v Watford 6.30pm, Għada: Liverpool v Burnley 1.00pm. Chelsea v Wolves 3.05pm. Arsenal v Manchester United 5.30pm